Lokali

Chris Siegersma ma jweġibx kif ittieħed il-kampjun ta’ Erin Tanti

Fl-aħħar ġimgħat, kienu bosta li esprimew it-tħassib tagħhom dwar sitwazzjoni li għadha qed tiżviluppa, fejn priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin irnexxielu juża’ l-proċess tal-IVF sabiex hu, flimkien mal-partner tiegħu ikollhom tarbija.

Erin Tanti, li ilu jiskonta sentenza ta’ 20 sena u 6 xhur sa mill-2019 – wara li nstab ħati li qatel lill-istudenta tiegħu Lisa Marie Zahra fl-2014, qed jistenna tarbija allegatament wara żewġ proċessi ta’ IVF.

Kien aktar kmieni din is-sena, meta Winston Zahra, il-kuġin tal-vittma, allega li Erin Tanti kien ħareġ fuq prison leave u għaldaqstant qed jistenna li jkollu tarbija. Iżda, f’Mejju, Erin Tanti flimkien mas-sieħba tiegħu ġew arrestati wara li għaddew minn proċess ta’ IVF sabiex ikollhom tarbija.

Bil-priġunier u s-sieħba tiegħu jiftħu proċess ġudizzjarju fejn allegaw li l-ewwel kienu ngħataw il-permess sabiex jagħmlu IVF iżda mbagħad ġew arrestati talli kisru l-Embryo Protection Act.

Madanakollu, qamu ħafna mistoqsijiet b’rabta ma’ dan il-każ fosthom anke kif Erin Tanti rnexxielu jagħti kampjun tal-isperma tiegħu sabiex din tintuża’ għall-proċess tal-IVF, ġaladarba dan imur kontra l-att tal-protezzjoni tal-embrijuni.

Kienet it-Times of Malta li żvelat li Erin Tanti spjega li id-Direttur tal-Ħabs Chris Siegersma, kien jaf li Tanti kellu x-xewqa li jkollu wild, fejn kien allegat li kien anke qallu li mhux se jkun ta’ xkiel f’dan il-proċess. Bil-priġunier saħanistra jallega li kienu żewġ vannijiet ta’ medical courier li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – f’żewġ episodji separati – sabiex jiġbru l-kampjun ta’ Erin Tanti.

Kien propju għalhekk li NetNews bgħat korrispondenza lill-Christopher Siegersma fejn staqsejna, min kien li awtorizza d-dħul taż-żewġ vannijiet, jekk l-aġenzija korrettiva kinitx taf għalfejn deħlin dawn il-vannijiet fil-Faċilità u anke jekk kienx hemm xi mument li Siegersma – b’mod verbali – ta x’jifhem jew nkella qal lil Tanti li hu mhux ħa jkun qed joġġezzjoni għal dan il-proċess.

Bid-Direttur tal-Ħabs jirrispondi li ma ngħatat l-ebda awtorizzazzjoni u lanqas kien hemm aċċess intern mhux awtorizzat. Dan filwaqt li għażel li ma jirrispondi għall-ebda mistoqsija oħra inkluż jekk kienx hu li ta x’jifhem li mhux ħa joġġezzjona l-proċess ta’ IVF.

Iżda, din ir-risposta kompliet tħawwad is-sitwazzjoni aktar milli ċċarata u għaldaqstant NetNews reġa’ għamel korrispondenza oħra fejn staqsejna jekk ġaladarba ma kienx hemm aċċess li ma kienx awtorizzat – kienx hemm aċċess awtorizzat u l-akbar mistoqsija tibqa’ min allura ġabar il-kampjun tal-isperma ta’ Erin Tanti.

Iżda meta affaċċjat bit-tieni lista ta’ mistoqsijiet, Christopher Siegersma baqa’ ma’ rrisponda għall-ebda waħda, u għaldaqstant ħarab milli jirrispondi kif ħareġ il-kampjun, u x’aċċess kien hemm biex isir dan.