F’pajjiżna, skont il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, m’hawnx problema ta’ LSEs fl-iskejjel tal-Gvern, u min jaħseb hekk huwa żbaljat.
Mistoqsi minn Net News sabiex jagħti garanzija li dawk li effettivament matul is-sena skolastika preċedenti kellhom problema f’dan ir-rigward għad-detriment ta’ uliedhom mhux se jkollhom l-istess sfidi fis-sena akkademika li ġejja, Clifton Grima wiegħed li dan mhux se jkun il-każ.
Din id-dikjarazzjoni waslet biss ftit ġimgħat qabel l-iskejjel jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom, b’numru ta’ ġenituri li tkellmu ma’ dan l-istazzjon u anke li ħallew il-kummenti tagħhom fuq il-midja soċjali spjegawlna illi din il-problema ilha għaddejja xhur u snin.
Ġenituri li uliedhom għandhom diżabbiltà saħqu li lanqas ikunu jistgħu jibgħatu lill-uliedhom l-iskola – diffikultà li ssarraf f’ħafna problemi kemm fis-saħħa mentali u l-benesseri tat-tfal iżda anke tal-familji.
Minkejja dan, Clifton Grima assigura li ma hawnx problema b’rabta man-numru ta’ LSEs impjegati.
Il-Ministru Grima saħaq, li l-assessjar tat-tfal huwa wieħed kontinwu iżda għalissa x-xogħol ftit kajman għaliex ix-xhur tas-sajf filwaqt li nsista li t-tfal assessjati mhux neċessarjament kollha jkollhom bżonn LSE
Intant, fl-aħħar jiem Net News staqsa lill-Ministru tal-Inklużjoni Julia Farrugia, biex tipprovdilna ċifra kemm tfal qed jiġu affetwati minn din is-sitwazzjoni, liema Ministru qaltilna biex nistaqsu lil seħibha fil-Kabinett lill-istess Ministru Clifton Grima.
U prontament fl-ewwel okkażjoni li kellu, Net News staqsa lil Grima, kumbinazzjoni b’Farrugia ħdejh – liema stqarrija Farrugia ċaħdet li għamlet, ċioè li farfritha fuq il-Ministru l-ieħor…madanakollu il-filmati jixhdu mod ieħor.
U minkejja li staqsejna lil żewġ Ministri konċernati dwar kemm hija ċ-ċifra ta’ kemm hawn nuqqas ta’ LSEs fl-iskejjel tal-Gvern; bqajna ma ngħatajna ebda tweġiba ċara u tonda – bil-Ministru Portelli tfarfarha fuq Grima, u l-Ministru Grima jgħidilna li jaf kemm hi ċ-ċifra ta’ kemm hemm, iżda kemm għad fadal bżonn skiet totali….għas-solitu detriment tal-ġenituri u l-istudenti.
