Lokali Sport

Inħarsu b’serjetà l-isport tradizzjonali tar-Regatta u s-saħħa tal-isportivi tagħna – PN

Il-klabb tal-Isla hu wieħed mid-distretti parteċipanti fl-edizzjoni li jmiss tar-Regatta ta' Jum il-Vitorja.
Il-klabb tal-Isla hu wieħed mid-distretti parteċipanti fl-edizzjoni li jmiss tar-Regatta ta' Jum il-Vitorja.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex iħares is-sigurtà tal-qaddiefa tar-Regatta

Ir-Regatta Nazzjonali, attività sportiva li hi parti integrali mit-tradizzjoni u l-identità tagħna, qed tiġi imminata b’mod serju minħabba nuqqas totali ta’ infurzar min-naħa ta’ Transport Malta. It-taħriġ sportiv ta’ livell nazzjonali f’dan l-isport qed jiġi mhedded minn bċejjeċ li jkunu deħlin jew ħerġin mill-Port bla kontroll, mingħajr rispett għal-limiti tal-veloċità u għas-sigurtà ta’ dawk kollha involuti.

Dan mhux biss qed ifixkel l-impenn u d-dedikazzjoni tal-qaddiefa tagħna, imma qed ipoġġi ħajjet dawk li jkunu abbord, fosthom tfal żgħar li jieħdu sehem bħala koksin, f’riskju serju. Din mhijiex kwistjoni ta’ organizzazzjoni ħażina, imma ta’ riskju dirett għall-ħajja tal-isportivi minħabba t-traskuraġni ta’ ħaddieħor.

Dan qed jiġri kuljum. U minkejja dan, u minkejja li l-awtoritajiet ilhom is-snin jafu b’dan il-periklu, sal-lum baqgħet ma ttieħdet l-ebda azzjoni konkreta.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għaliex Transport Malta qed tibqa’ ma tagħmilx xogħlha kif suppost. Għaliex l-awtoritajiet qed jagħlqu għajnejhom quddiem sitwazzjoni daqstant serja?

Il-ħtiġijiet huma ċari u urġenti:

  1. Infurzar immedjat tal-limiti tal-veloċità fil-Port fuq min qed jabbuża
  2. Preżenza aktar viżibbli ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta, b’rizorsi meħtieġa u b’mod speċjali matul il-ħinijiet ta’ taħriġ
  3. Kampanja edukattiva u ta’ sensibilizzazzjoni għall-pubbliku dwar ir-regolamenti marittimi

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista organizza konferenza tal-aħbarijiet propju dwar is-sigurtà fuq il-baħar u t-toroq. Iżda jidher li dan il-messaġġ waqa’ fuq widnejn torox. Il-verità hi li f’pajjiżna għandna krizi amministrattiva, anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-infurzar marittimu.

Wasal iż-żmien li ngħidu kollox kif inhu:

  • L-iskandlu dwar ir-RHIBs, li ġew ordnati biex jintużaw minn uffiċjali ta’ Transport Malta għal sorveljanza u li ma kinux tajbin għall-baħar, ġie żvelat mill-Partit Nazzjonalista u ġie kkonfermat mill-Awditur Ġenerali
  • €135,000 mit-taxxi tan-nies qed jintefqu f’direct order għal tliet dgħajjes biss għas-sajf (€1,500 kuljum) għax Transport Malta ma mxietx b’mod serju u trasparenti
  • Infurzar li għosfor, uffiċjali mitluba jigdbu taħt ġurament dwar taħwid fl-awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà fit-toroq u fuq il-baħar, kif ukoll inkjesti interni li qatt ma ġew ippubblikati, kollha jindikaw kultura ta’ għeluq ta’ għajnejn u nuqqas ta’ tmexxija serja.

Sadanittant, il-Kummissarju tal-Pulizija għadu ma temmx l-investigazzjonijiet dwar dawn in-nuqqasijiet. Il-Partit Nazzjonalista u l-poplu kollu għadhom qed jistennew ir-risposti, iżda s-silenzju tal-Gvern jibqa’ jtarrax.

L-inċidenti fuq il-baħar fl-aħħar snin aktar milli rduppjaw, minn 17-il każ fl-2022 għal 41 każ fl-2024, bil-Gvern kien kapaċi biss jitkellem. Azzjoni xejn.

Il-propaganda waħedha, bħalma rajna waqt is-‘Safety at Sea Day”, ma ssolvi xejn. Il-Gvern għadu qed jonqos milli jieħu l-passi konkreti li għandu l-obbligu li jieħu biex jipproteġi l-ħajjiet tan-nies.

Din mhijiex kwestjoni ta’ politika partiġġjana. Din hi realtà.

Il-Gvern għejja. La għandu direzzjoni u lanqas rieda politika biex jagħmel dak li hu meħtieġ u li hu fid-dmir li jagħmel.

Dan il-Gvern nibbet u xettel attitudni ta’ kollox jgħaddi kullimkien, inkluż fit-toroq u fuq il-baħar.

Wasal iż-żmien għal Gvern ġdid, b’enerġija ġdida u b’rieda politika vera. Gvern li jagħmel xogħlu u jipproteġi l-ħajja u s-sigurtà tan-nies fuq il-baħar u fit-toroq qabel ma jkollna aktar traġedji.

L-appell tal-Partit Nazzjonlaista huwa li l-Gvern jibda jaġixxi bis-serjetà. Fl-istess ħin, il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà assoluta mal-klabbs u l-qaddiefa tar-Regatta, filwaqt li jassigurahom li ser jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-Gvern sakemm jiddeċiedi li jpoġġi s-sigurtà tagħhom l-ewwel.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo, mix-Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u Sport David Agius u mix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut.