Raġel ta’ 57 sena, Ivan John Grima Hammett, ammetta l-akkużi ta’ fastidju fil-konfront ta’ l-eks Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, wara li tella’ diversi filmati fuq il-midja soċjali li kienu joffenduha u jhedduha.
Grima Hammett tressaq taħt arrest quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, fejn is-Supretendent Frankie Sammut spjega li Dalli rat il-filmati fuq TikTok u ħasset li kienet qed tiġi fastidjata. Fil-filmati, l-akkużat sejħilha “traditriċi ta’ Malta” u staqsa lil terzi persuni jekk jaħsbux li kienet korrotta.
F’wieħed mill-filmati, Grima Hammett jistaqsi lil xi ħadd ieħor jekk qrahx slogans miktuba ma’ l-art quddiem propjetà li hu jemmen li kienet ta’ Dalli. Meta wieġbu li Dalli ma tgħix hemm, l-akkużat qal: “Min għamlhom kellu jiktibhom imkien ieħor.”
Wara li ġie arrestat u interrogat, irrifjuta li jneħħi l-filmati minn fuq il-midja soċjali. Meta ġie mistoqsi dwar jekk hux ħati jew le, l-avukat tal-għajnuna legali Noray Galea qal li l-klijent tiegħu qal li r-reliġjon u t-twemmin tiegħu ma jħalluhx jigdeb u għalhekk se jammetti l-akkużi.
Matul is-sottomissjonijiet dwar is-sentenza, Supretendent Sammut qal li filwaqt li l-liġi tipprovdi massimu ta’ sentejn priġunerija jew multa, f’dan il-każ jkun aktar xieraq li jingħata ordni ta’ trattament u probation sabiex l-akkużat jingħata l-għajnuna meħtieġa. Huwa wkoll talab għal ordni ta’ protezzjoni favur Helena Dalli.
Is-Supretendent irrimarka wkoll li l-akkużat għandu drawwa li jiffilmja u jikkummenta fuq kollox, iżda “jekk issejjaħ lil xi ħadd korrott, trid tipprova dak li tgħid.” Id-difiża qablet, u żiedet li l-akkużat jieħu ħsieb lil ommu anzjana.
F’mument ta’ furur quddiem il-Qorti, Grima Hammett beda jgħajjat li jrid ġustizzja għal pajjiżu, talab li Dalli messha tirriżenja u għamel kummenti kontra koppji gay li jadottaw lit-tfal. Qassam ukoll stickers bil-messaġġ “Jesus loves you” lill-preżenti fl-awla tal-qorti.
Il-Maġistrat, b’ton umoristiku, qallu: “Sejjer dritt il-ġenna.” Grima Hammett wieġeb: “Jien ma nisħetx u lanqas ma nagħmel atti ndiċenti fuqi nnifsi.” Meta ġie mistoqsi jekk hux se jindem, inizjalment qal le, iżda eventwalment wieġeb fl-affermattiv.
Il-Qorti ordnat: Ordni ta’ probation għal sentejn. Ordni ta’ trattament u ordni ta’ trażżin favur Helena Dalli kif ukoll it-tneħħija tal-filmati minn Facebook. Hekk kif ħalla l-awla, l-akkużat għajjat: “Grazzi Ġesù! Alla jbierek! Se titlaq l-għajn ħażina minn din l-awla!”
Il-każ instema mill-Maġistrat Leonard Caruana. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Karen Cassar, u l-akkużat ġie assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Noray Galea.
//= $special ?>