Lokali

Jibqgħu ma jirtirawx l-abozzi tal-iżvilupp

Minkejja l-appelli ta’ numru ta’ attivisti, NGO’s, professjonisti u ambjentalisti, il-Gvern qed jibqa’ ma jirtirax l-abbozzi tal-liġi kif ippreżentahom b’rabta mal-iżvilupp.

U wara li din il-liġi pprovaw jimbuttawha baxx baxx fl-eqqel tas-sajf, u fl-aħħar seduti tal-Parlament….il-Ministri tal-Labour qed jibqgħu jagħtu x’jifhmu li l-liġi li qed tara kritika qawwija minn kull faxxa tas-soċjetà mhux se tiġi irtirata.

Dan minkejja li l-NGOs qed jisħqu li Robert Abela u sħabu għandhom jagħtu widen lill-Partit Nazzjonalista u jirtiraw l-abbozzi kif inhuma miktubin, għad-detriment tat-trasparenza u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Tant hu hekk, li wara li ġiet ippreżentata l-liġi, u wara li l-Gvern ta’ Robert Abela pprova jgħaġġilha kemm jista’ mingħajr ebda konsultazzjoni – issa l-Membri tal-Kabinett, wara l-froġa medjatika li qalilhom li għamlu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, qed jaqblu mal-konsultazzjoni.

Il-Ministru Clifton Grima, wara li, flimkien mal-kumplament ta’ sħabu taw is-sostenn lill-liġi kif qed jipproniha Abela, issa, qed jgħid li hija ovvja li trid  ssir konsultazzjoni.

Madanakollu ħarab totalment milli jwieġeb dwar jekk jaqbilx li għandha tiġi irtirata l-liġi kif qed jappellawlu l-NGOs u l-Partit Nazzjonalista

Net News staqsa wkoll lill-Ministru Julia Farrugia, b’din tisħaq dwar il-fatt li għandha bżonn issir konsultazzjoni pubblika dwar dawn it-tibdiliet – narrattiva li waslet wara l-backlash qawwi li rċieva l-Gvern Laburista fl-aħħar jiem.

Kienu bosta r-reazzjonijiet li qanqlet din il-proposta ta’ tibdil fil-liġi, fosthom anke mill-Professur tal-liġi Kostituzzjonali Kevin Aquilina li stqarr li l-Partit Laburista fil-Gvern iddikjara gwerra fuq l-ambjent sabiex jaġevola lill-iżviluppaturi.

Dan filwaqt li t-tmexxija ta’ Robert Abela u sħabu saret sintomatika ma u-turns kolossali, u battallja waħda wara l-oħra f’dik li ġiet deskritta mill-ambjentalisti bħala kedda kontinwa kontra l-għebusija tar-ras tal-Prim Ministru u l-arroganza li biha jmexxi.