Lokali Qorti

Koppja jinżammu arrrestati wara li ġew mixlija li ppruvaw idaħħlu d-droga f’Malta bil-katamaran

Koppja ta’ 27 sena, Osmajic Branko, raġel mill-Montenegro, u Nikolina Vranic, mara mis-Serbja, ġew imressqa l-Qorti t-Tlieta wara li nqabdu jippruvaw iddaħħlu d-droga f’Malta. Iż-żewġt akkużati, li m’għandhomx indirizz fiss f’Malta, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-Pulizija interċettat lill-koppja hekk kif niżlu minn katamaran li kien ġej minn Sqallija u sabet il-pakketti bid-droga waqt tfittxija fil-vettura tagħhom, Volkswagen. Il-pakketti kienu moħbija f’kompartimenti sigrieti fil-karozza, u kienu jikkonsistu f’kannabis, kokaina u ecstasy, kollha intenzjonati għall-kummerċ u mhux għall-użu personali, skont l-investigaturi.

Il-valur stmat tad-droga fuq is-suq huwa ta’ madwar €650,000. Il-Qorti semgħet ukoll li l-mara xi drabi taħdem fl-agrikoltura, filwaqt li r-raġel ma jaħdimx. L-Avukat Roberto Montalto deher għal Vranic, u l-Avukat Ingrid Zammit Young għal Branko.

Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-avukat tal-mara infurma lill-Qorti li l-akkużata għandha tarbija li għadha tredda’ u xtaqet tkompli tagħmel dan anke waqt li tkun taħt arrest.

Il-prosekuzzjoni qalet li sar arranġament mad-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal u mad-Direttur tal-Faċilità Korretiva ta’ Kordin biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa f’dan ir-rigward.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat inkarigat, ordnat ukoll ordni ta’ ffriżar tal-assi kontra l-koppja. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistita mill-Ispettur John Leigh Howard.