Kull Malti u Għawdxi għandu d-dritt li jħossu sikur fid-dar tiegħu, u Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li dan id-dritt jiġi mħares.
Fid-dawl tal-fatt li aktar residenti f’bosta lokalitajiet madwar il-pajjiż qed jispiċċaw vittmi ta’ serq minn djarhom, f’konferenza tal-aħbarijiet il-Partit Nazzjonalista qal li fost il-prijoritajiet tal-PN fil-gvern se jkun hemm li jingħata lura s-serħan il-moħħ lill-Maltin u l-Għawdxin fejn tidħol is-sigurtà fl-irħula u fid-djar tagħhom.
Il-konferenza tal-aħbarijiet saret fis-Swieqi, waħda mil-lokalitijiet milquta minn serqiet fl-aħħar ġimgħat, u kienet indirizzata mix-Shadow Minister responsabbli mill-intern u s-sigurtà Darren Carabott, ix-Shadow Minister reponsabbli mill-familja Albert Buttigieg, u x-Shadow Minister responsabbli mill-anzjani Paula Mifsud Bonnici kif ukoll mis-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat.
Fl-aħħar ġimgħat u xhur residenti fiz-zona tas-Swieqi u l-Madliena, il-Mosta, San Ġwann, in-Naxxar u l-Mellieħa fost oħrajn spiċċaw vittmi ta’ serqiet minn djarhom. Dan il-fenomenu dejjem jikber hu ta’ tħassib u permezz tal-kelliema tiegħu, il-Partit Nazzjonalista talab lill-Gvern ikun ċar u jispjega x’passi se jieħu biex jassigura li tingħata aktar importanza lis-sigurtà taz-zoni milquta u biex ir-residenti jkollhom is-serħan il-moħħ li dawn in-netwerks kriminali jinqatgħu u jinqabdu.
Dawn is-serqiet qed iħallu lil ħafna, fosthom anzjani u nies vulnerabbli, imbeżżgħin f’darhom stess.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar li skont rapport tal-Europol f’April tal-2024, li kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, f’Malta hawn preżenza ta’ netwerks kriminali ġejjin mill-Kroazja, il-Georgia, l-Italja u r-Rumanija – l-aktar attivi fi kriminalità organizzata marbuta mal-proprjetà, inkluż serq b’użu ta’ forza jew serq minn ġo proprjetajiet.
Il-Gvern qiegħed jonqos milli jilħaq waħda mill-miri tiegħu stess marbuta mas-sigurtà tal-anzjani mniżżla fil-Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2023-2030, u sa issa dan il-Gvern mhu qed joffri ebda inizjattiva biex jara li l-anzjani jkunu siguri fizikament.
Il-Gvern mhux biss qed jonqos milli jipprovdi sigurtà u milli jagħmel ligijiet li jkunu verament qed jipproteġu l-anzjani tagħna minn kull abbuż, iżda dan il-Gvern qed jonqos milli jipprovdi servizzi ta’ kenn ta’ billejl.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista rringrazzjaw lill-uffiċjali tal-Pulizija li fil-limitazzjonijiet tar-riżorsi li għandhom għaddejjin bil-ħidma tagħhom, iżda fl-istess waqt għamel talba ċara lill-Gvern sabiex isaħħaħ il-ħidma tiegħu fil-qasam tas-sigurtà u jinvesti fin-nies u fir-riżorsi fil-Korp tal-Pulizija.
Dan għandu jagħmlu billi fost l-oħrajn jipprovdi riżorsi lill-Korp biex flimkien mal-Kunsilli jkunu installati kameras tas-sigurtà f’punti strateġiċi u billi jerġa’ jiftaħ għases tal-pulizija 24 siegħa kuljum biex ir-resident ikollu rasu mistrieħa fejn jista’ jirrikorri għall-għajnuna tal-Pulizija f’kull ħin tal-ġurnata jew il-lejl.
Id-dar hija l-post fejn wieħed imur biex jistrieħ. Ma jistax ikun li l-familji Maltin u Għawdxin jispiċċaw li anke fejn poġġew l-akbar investiment tagħhom ma jistgħu joqogħdu rashom mistrieħa mis-sigurtà tagħhom u tal-għeżież tagħhom jew jispiċċaw priġunieri f’darhom għax jibżgħu li jidħlilhom xi ħadd jekk joħorġu. Is-sigurtà tal-Maltin trid tkun imħarsa bl-aqwa mezz possibbli.
//= $special ?>