L-aqwa ċertifikat lill-Gvernijiet Nazzjonalisti jagħtihom il-Gvern Laburista stess. Hekk għamel din il-ġimgħa meta l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ħabbar li kien se jestendi skema li welled u nieda Gvern Nazzjonalista.
L-iskema fejn min għandu propjetà vojta jista’ jikriha lill-Gvern biex tintuża għall-akkomodazzjoni soċjali, u li issa bidlulha isimha, kienet bdiet minn Gvern Nazzjonalista u dakinhar il-Partit Laburista kien biċċirha bil-kritika.
Illum l-affarijiet inbidlu u l-Ministru sejjaħ konferenza tal-aħbarijet biex iħabbar, mhux skemi ġodda, imma estensjoni tal-istess skema li kien xebgħa jikkritika. Skema li llum l-istess Ministru qed ifaħħar.
Jibqa’ tal-akbar sodisfazzjon għall-Partit Nazzjonalista jara li skemi li beda hu snin ilu għadhom qegħdin jgħinu lil dawk l-aktar vulernabbli. Madankollu fir-realtajiet tal-lum fejn wieħed minn kull ħames persuni jgħix fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-Gvern għadu mhux jagħmel biżżejjed biex jiżgura li kull Malti u Għawdxi jkollu għixien denju.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern jixtarr sew ir-realtajiet ġodda tal-Maltin u l-Għawdxin u jfassal politika li tiżgura lill kull persuna jkollha d-dar li jixiriqilha.
Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo, u mix-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali Albert Buttigieg.
//= $special ?>