L‑Arċisqof Charles Scicluna temm żjara pastorali ta’ jumejn f’Londra fejn iltaqa’ ma’ madwar 30 pazjent Malti li bħalissa qed jirċievu kura medika fir‑Renju Unit.
Matul iż‑żjara, l‑Arċisqof Scicluna mhux biss kien qrib tal‑pazjenti u qrabathom fl‑Isptar Great Ormond Street, iżda wkoll għammed tarbija li twieldet f’Londra ftit tax‑xhur ilu. Hu ddeskriva dan l‑isptar, li jispeċjalizza fil‑kura tat‑tfal, bħala sinjal ta’ tama u ħajja ġdida.
L‑Arċisqof żar ukoll pazjenti Maltin li jinsabu fi sptar tan‑newroloġija fiċ‑ċentru ta’ Londra u fl‑Isptar tar‑Royal Marsden f’Sutton. Fl‑Isptar Royal Marsden, l‑Arċisqof iltaqa’ wkoll mal‑infermiera Maltija Laura Borg Turner. Hu kien akkumpanjat mill‑Kummissarju Għoli Malti għar‑Renju Unit Prof. Stephen Montefort.
Waqt din iż‑żjara pastorali, l‑Arċisqof iċċelebra quddiesa mal‑Maltin li qed jgħixu fl‑appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Sutton. Huwa rrikonoxxa li filwaqt li l‑ħin huwa dejjem prezzjuż, il‑pazjenti u l‑qraba tagħhom għandhom il‑grazzja jagħrfu dan fil‑viċin. “Intom għandkom il‑privileġġ tapprezzaw kemm hu għażiż il‑ħin, bħal meta tistennew operazzjoni jew meta tirċievu riżultat. Il‑ħin isir verament preżżjuż; il‑ħajja ssir prezzjuża. Intom skola kbira ta’ kemm hi prezzjuża l‑ħajja,” qal l‑Arċisqof.
Fl‑istess quddiesa, filwaqt li rringrazzja lil Alla għall‑iżviluppi fix‑xjenza, l‑Arċisqof Scicluna radd ħajr ukoll lill‑Gvern Malti u lill‑poplu Malti u Għawdxi li ma jdawrux wiċċhom quddiem il‑bżonnijiet tal‑marid.
F’okkażjoni separata fil‑Kummissjoni Għolja Maltija, fil‑preżenza ta’ numru ta’ professjonisti Maltin ibbażati fl‑Ingilterra, l‑Arċisqof spjega li d‑daqs tan‑nazzjon ma jdgħajjef l‑ebda potenzjal, hekk kif fir‑Renju Unit hemm iktar minn 300 Malti li jaħdem fil‑qasam mediku. L‑Arċisqof wera l‑apprezzament għall‑ħidma tagħhom u ħeġġiġhom biex bħala dixxendenti Maltin ikomplu jwasslu t‑tama f’dinja fejn il‑vjolenza qed tgħolli rasha.
F’dawn il‑jumejn, l‑Arċisqof sab ukoll ħin sabiex jiltaqa’ mas‑Sorijiet Agostinjani, filwaqt li kien akkumpanjat mill‑Patrijiet Franġiskani Konventwali Patri Mario Sant u Patri Joseph Formosa li jsostnu moralment u spiritwalment il‑komunità Maltija li teħtieġ il‑kura fir‑Renju Unit.

