Futbol Sport

Luka Modric ippreżentat f’Milan quddiem eluf ta’ partitarji Milanisti

(Ritratt: EPA)

Il-midfielder Kroat ta’ 39 sena irnexxielu jqanqal eċitament kbir f’ħagna partitarji Milanisti meta kien ippreżentat f’Milan ġewwa l-ħanut ta’ AC Milan f’Via Dante ġewwa Milan.

Modric ingħaqad mar-Rossoneri għall-ewwel sessjonijiet ta’ taħriġ din il-ġimgħa wara li ħalla lil Real Madrid b’xejn hekk kif il-Los Blancos ma ġġedewx il-kuntratt tal-midfielder leġġendarju, wara 13-il sena servizz mal-klabb.

Modric ingħaqad ma’ Real Madrid mingħand Tottenham Hotspur fl-2012 għas-somma ta’ €35,000,000, u fl-ewwel sena tiegħu kien ivvutat bħala l-agħar akkwist tas-sena mill-midja Spanjola. 13-il sena wara, Luka Modric lagħab 597 partita ma’ Real Madrid, fejn skorja 43 gowl u pprovda 95 assist. Apparti minnhekk, il-midfielder Kroat rebaħ l-iżjed unur prestiġjuż li plejer individwali jista’ jirbaħ, il-Balon d’Or fl-2018.

Bħala plejer, u għal ħafna snin captain ta’ Real Madrid, huwa rebaħ il-La Liga ħames darbiet, il-Copa del Rey darbtejn, il-UEFA Champions League sitt darbiet, il-Supercopa de Espana ħames darbiet, il-UEFA Super Cup ħames darbiet, il-FIFA Club World Cup ħames darbiet u l-FIFA Intercontinental Cup darba.

Mal-Kroazja huwa rnexxielu jwassal it-tim tiegħu għall-finali tat-Tazza tad-Dinja, dik tal-2018, għat-tielet post fit-Tazza tad-Dinja fl-2022, u għall-finali tal-UEFA Nations League fl-2023.

(Ritratt: EPA)