Raġel ta’ 40 sena, tressaq il-Qorti t-Tlieta akkużat b’diversi reati serji relatati mal-pussess u t-tixrid ta’ materjal pornografiku li jinvolvi tfal taħt l-età ta’ disa’ snin. Skont l-akkuża ppreżentata mill-Ispettur Carl Pace, l-inċidenti allegati seħħew fl-aħħar ta’ Lulju 2025 u qabel ġewwa Ħaż-Żebbuġ, Malta, fejn allegatament kien fil-pussess u għamel disponibbli materjal illegali li juri abbuż sesswali ta’ tfal.
Jidher ukoll li dan il-materjal seta’ nkiseb jew ġie mqassam permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Fil-Qorti l-akkużat, li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti ġie mixli li ppermetta li jitqassam, jinxtered, jimporta, jesporta jew jixtri materjal illegali li jinkludi tfal taħt l-età.
Ukoll li aċċessa jew akkwista dan il-materjal b’mod teknoloġiku waqt li kien jaf li l-materjal jinkludi tfal taħt l-età ta’ disa’ snin. L-Ispettur talab lill-Qorti sabiex, jekk jidhrilha xieraq, tordna trattament għall-akkużat skont l-Artikolu 412D tal-Kodiċi Kriminali.
Mit-talba tal-Prosekuzzjoni jidher li hemm ukoll għan li jitqassmu l-ispejjeż tal-proċeduri fuq l-akkużat. Il-Qorti ntalbet biex teżamina wkoll il-possibilità ta’ ordni ta’ trattament u li, f’każ ta’ ħtija, jingħata l-piena skont il-liġi.
Ir-raġel li fuq ordni tal-Qorti ma jistax jissemma ismu – għadu qed jiġi investigat u baqa’ miżmum taħt arrest. Id-difża mmexxija mill-Avukati Roberta Bonello u Malcolm Mifsud talbet għal pre-sentencing report u għall-ħelsien mill-arrest.
Fis-seduta li jmiss mistenni jiġi diskuss ir-rapport minn uffiċjal tal-probation. Il-każ għadu se jibqa’ għaddej u trattat mill-Qorti tal-Maġistrati. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ 4,000 ewro u garanzija personali ta’ 10,000 u jrid jiffirma l-Għassa tal-Belt, tliet darbiet fil-ġimgħa. Ir-raġel tressaq quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco.
//= $special ?>