Numru ta’ attivisti li huma favur il-kawża tal-Palestina, mistennija jinġabru quddiem l-istadium Tony Bezzina, f’Kordin qabel il-bidu tal-partita bejn Ħamrun Spartans u Maccabbi Tel Aviv ta’ Iżrael, bħala sinjal ta’ protesta għall-presenza f’Malta ta’ dan it-tim barrani. Maccabbi Tel Aviv huma ċ-champions tal-pajjiż, u llum fis-7pm se jkunu qed jilgħabu kontra ċ-champions tal-Malta Premier, Ħamrun Spartans, f’partita valida mil-ewwel leg, tat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Ewropa League.
Hu mifhum li dawn l-attivisti se jkunu qed jinġabru fuq barra tal-istadium, sa minn siegħa qabel ma tibda din il-partita Ewropea, biex jipprotestaw fil-konfront tal-Iżraeljani preżenti, sforz it-tensjoni politika li teżisti f’Iżrael.
Skont l-aħħar raporti, għal din il-partita, f’Kordin se jkun hemm madwar 50 partitarju ta’ Maccabbi Tel Aviv għaldaqstant, hu previst li sa minn kmieni qabel tibda l-logħba bejn Ħamrun Spartants u “l-Yellow Devils”, kif inhuma magħrufa lokalment l-avversarji li se jilgħabu kontra tagħhom it-tim Malti, se jkun hemm numru ta’ Pulizija fuq il-post biex jassiguraw li jkun hemm sigurtá, filwaqt li jikkontrollaw kwalunkwé tip ta’ incident li jista’ jinqala’.
Din m’hijix l-ewwel darba li partita minn kompetizzjoni għall-klabbs tal-Ewropa, u li kienu involuti fiha Maccabbi Tel-Aviv, kienet f’riskju għoli ta’ kunflitt bejn partitarji ta’ dan il-klabb u attivisti li jiddikjaraw lilhom infushom bħala favur il-Palestinjani.
F’Novembru li għadda, qabel partita mill-Ewropa League bejn Ajax u Maccabbi Tel Aviv f’Amsterdam, l-Olanda, iż-żewġ fazzjonijiet ħolqu tensjoni barra ‘l ground, wara li kien hemm kunflitt bejnithom u kellhom jintervjenu l-Pulizija tal-lokali biex is-sitwazzjoni tkun lura għan-normal.
Intant, sigħat qabel il-bidu ta’ din il-logħba, il-klabb ta’ Ħamrun Spartans, permezz tal-media soċjali tiegħu, appella lill-partitarji tiegħu għal imġieba korretta waqt il-logħba.
Il-klabb fakkar li kwalunkwé tfigħ ta’ tazzi tax-xorb, kliem ħażin, insulti u tgħajjir ieħor, ma jixraq lil ħadd u m’għandhomx post f’attivitá sportiva bħal dik tal-lum.
//= $special ?>