Opinjoni

OPINJONI: Katina ta’ garanziji

Għandna niftakru f’dak li seħħ fil-Ġappun tmenin sena ilu u nieħdu lezzjoni

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

F’din il-ġimgħa, għal dawk li jirrispettaw il-lezzjonijiet tal-istorja jafu, anzi aħjar jiftakru li tmenin sena ilu żewġt ibliet mimlijin bnedmin tħassru minn fuq wiċċ l-art.
Hiroshima l-ewwel fis-6 ta’ Awwissu 1945 u ftit jiem wara fid-9 ta’ Awwissu Nagasaki, inxteħtu fuqhom bombi atomiċi. Qatt qabel ma seħħ dan u l-effett kien devastanti aktar milli setgħu jbassru. Mietu diversi fil-jum u mietu diversi oħra wara fis-snin bil-feriti li sofrew.
Hemm kotba sħaħ li ddeskrivew dak li sar u kif u għala. Wara tant snin jibqa’ dejjem id-dibattitu dwar jekk dan kienx ġustifikat. Jekk kienx hemm alternattiva li biha l-Ġappun seta’ fehem u ċeda. Il-fatti jibqgħu li dan ma ġarax.

Kommemorazzjoni
Kull gwerra għandha l-istorja tagħha. Min kull waħda l-bniedem ma marx ’il quddiem kif uħud jipprospettaw. Dan fil-ħsieb li biex tibni l-ġdid trid teqred kulma kien hemm qabel, anzi għal dawk li żbaljatament isostnu bil-kontra li jekk trid tibni trid teqred.
Il-politiċi li ħadu dik id-deċiżjoni flimkien mad-diversi persuni fil-forzi armati alleati u Ġappuniżi llum m’għadhomx magħna. Nafu biss mid-dokumentazzjoni li s’issa hija pubblika x’wassal u x’kunsiderazzjonijiet ittieħdu. Għaliex u x’biżgħat quddiem poplu daqshekk b’saħħtu u determinat bħalma kien u huwa dak Ġappuniż.
Nafu li l-fatti jitkellmu weħidhom. L-użu ta’ bombi nukleari jfarrku dinjiet u jeliminaw b’effett li bihom tmiem id-dinja ma jkunx wisq ’il bogħod.

Infakkru
Diversi politiċi, akkademiċi, bnedmin varji tul dawn is-snin ħadu ħsieb jieqfu u jfakkru, biex fl-istess ħin isir dejjem aktar l-appell biex il-bniedem jiftakar kemm il-gwerra hija strument inutli.
Ftit bogħod minni hemm ċimiterju, ’l hekk msejjaħ Kalkara Naval Cemetery, ikkurat u frekwentat. Hemm bnedmin minn stati varji midfuna, inkluż Ġappuniżi. Waqt li timxi bejn l-qobra tagħraf kemm persuni tilfu ħajjithom. Tmiss ma’ dawk li ta’ età bikrija ġew nieqsa u mingħajr ma’ trid jiġik id-dell ta’ dieqa kbira.
Tilfu ħajjithom fl-aħjar tagħha. Passi li tulhom niftakar f’kitbet Giulio Andreotti meta qal, “Ai politici, rispetto ai loro predecessori, si addice – e non dovrebbe mai dimenticarlo – quel saggio richiamo che si legge nelle tombe comuni di tanti cimiteri: ‘Quel che voi siete noi fummo, quel che voi sarete noi siamo’.”
(Lill-politiċi, fil-konfront lejn dawk li ġew qabilhom, għandu jingħadilhom – u ma għandu qatt jintnesa dak il-għerf li jfakkarna miktub fuq l-qobra ta’ tant cimiterji: ‘Dak li inthom illum, aħna konna, dak li se ssiru, aħna digà).

Mument partikolari
Dan aktar f’dan il-perjodu fl-eżistenza tagħna meta għaddejjin gwerer kiefra. Dawk li qed iħallu diversi mejta fi proċess li m’għandux xi forma ta’ ġustifikazzjoni.
Li telimina bnedmin oħra huwa inaċċettabli aktar u aktar meta l-partijiet jistgħu jersqu madwar mejda u jsolvu. Meta huwa possibbli li flok tibqa’ għaddej bl-operazzjonijiet militari, li jitolbu aktar minnhom infushom stess, li wieħed jieqaf.
F’dawn il-jiem spiċċajt il-ktieb ta’ Norberto Bobbio (1909-2004) De Senectute (1996). Filosfu, ġurista, akkademiku, politiku li kiteb u għallem fis-snin. Bniedem li kitbietu fihom x’taħseb u tirrifletti u li ġejt influwenzat nirrispetta. Avolja nammetti li impressjonajt ruħi aktar tul il-ktieb bil-pessimiżmu li kellu fejn it-tama għalih ma tidħolx.
Minkejja dan wieħed jrid jagħraf li ħajtu kienet dedikata lejn tliet passi, it-tisħiħ tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-paċi. Dan fl-għarfien sħiħ rikonoxxut tiegħu li waħda timxi mal-oħra. Katina ta’ garanziji għall-eżistenza umana.

Dak li ninsabu
Messaġġ ta’ ħsieb u djalogu llum huwa neċessarju. Aktar u aktar quddiem il-fatt li t-tentazzjonijiet umani li jużaw arma nukleari biex skont huma jsolvu kunflitt jew jeliminaw avversarju hemm jibqgħu.
Aktar u aktar meta dawn ikunu ilhom għaddejjin jieklu lil xulxin u l-abbiltà li jiffurmaw opinjoni ċara tintilef. Is-sitwazzjoni diġà eskalata sew, biss kif naraw jibqa’ jonqos livelli oħra ogħla. Min għandu r-responsabbiltà politika fid-dinja tal-lum u li ġew eletti b’xi mod miċ-ċittadini tagħhom iridu jagħrfu aktar dak li seħħ tmenin sena ilu. Jagħrfu li aħjar pass lura.
Aħjar forsi wkoll bil-preżenza tagħhom f’Hiroshima u Nagasaki li jagħrfu l-inġustizzja li qed iwettqu llum u dak li jistgħu aktar għada, pitgħada. Dik li anki l-ideat differenti ta’ Bobbio jsejjaħ għalih.

L-introduzzjoni
Il-ktieb jiftaħ b’kitbet ġurista ieħor daqshekk magħruf Gustavo Zagrebelsky (1943). F’mument jikteb hekk hu u jirrifletti fuq il-mewt: “Lo scandalo non e’ la morte, ma la morte prima del tempo, quella che chiamiamo prematura e contro natura; la morte che tronca, non quella che conclude; lo scandalo massimo e’ quando essa deve ascriversi all’opera o alla negligenza di esseri umani rispetto ad altri umani, deboli, poveri, sfruttati, derelitti; quando la morte da simbolo di fratellanża diventa simbolo di ingustizia.”
(L-iskandlu mhux il-mewt, imma l-mewt qabel żmienha, dik li nsejħu prematura u kontra tagħha; il-mewt li twaqqaf, mħux dik li tikkonkludi; l-akbar skandlu meta din sseħħ għall-ħidma jew negliġenza ta’ bnedmin fil-konfront ta’ bnedmin oħra, dgħajfa, fqar, sfruttati, abbandunati; meta l-mewt ma tibqax simbolu ta’ fratellanza imma dik ta’ inġustizzja).
Tal-arroganza ta’ dawk li fil-poter tagħhom jiddikjaraw; “tu non hai diritto di vivere ma, per qualche ragione che interessa me, devi morire.” (ma għandekx dritt li tgħix, imma għal xi raguni li tinteressa lili għandek tmut).

M’aħniex kapaċi?
Kliem u kuntest rilevanti ħafna llum. Id-dinja trid titkellem aktar u trid teżerċità aktar pressjoni politika bl-użu ta’ mezzi legittimi biex it-triq tal-paċi tinqabad. Aktar u aktar fil-kuntest ċar ta’ ħidmet Papa Ljun XIV li matul l-aħħar jiem rajnieh u smajnieh.
Ġabar miljun żagħżugħ u l-messaġġ dirett kien favur il-paċi li għandna t-tama sħiħa li tista’ s-seħħ. Meta wieħed jitlef triqtu lejn direzzjonijiet il-pessimiżmu jkun ferm aktar diffiċli biex jibqa’ jinsisti li l-paċi hija possibbli. Huwa faċli li tneħħi minn fuq il-kuxjenza ta’ dawn il-bnedmin dan l-obbligu uman. Huwa faċli li tippermetti politika mingħajr morali, ’il bogħod minn dik tal-kultura, fil-pessimiżmu li ma jsirux l-isforzi umani biex insalvaw dak li għandna.

Demokrazija
Għalkemm naċċetta u nibqa’ impressjonat b’kemm bniedem bħal Bobbio, li kiteb tant favur il-paċi kien tant nieqes mit-tama. Imma nifhem aktar dik il-pożizzjoni propju filfatt li t-tama hija valur veru propju għax hija Nisranija. Imma xorta f’dan kollu nifhem aktar l-imħabba tiegħu għad-demokrazija.
Hu jgħid “Io sono un democratico convinto, tanto da continuare a difendere la democrazia, anche quando e’ inefficiente, corrotta, e rishia di precipitare nei due estremi della guerra di tutti contro tutti o dell’ordine imposto dall’alto.”
(Jien demokratiku konvint, tant li nkompli niddefendi d-demokrazija anki jekk hija ineffiċjenti, korrotta u tirriskja li tinżel bejn żewġ etremi tal-gwerra ta’ kulħadd kontra kulħadd jew tal-ordni impost minn fuq.)
Il-gwerra li għaddejja jekk ma tieqafx lejn dan qed tipprova twassal. Tkun id-distruzzjoni umana u tad-demokrazija fil-katina ta’ garanziji għall-eżistenza umana. Propju għalhekk li għandna niftakru f’dak li seħħ fil-Ġappun tmenin sena ilu u nieħdu lezzjoni.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 5 ta’ Awwissu, 2025.