minn Toni Bezzina
Ix-Shadow Minister
għall-Agrikoltura u s-Sajd
Hi ħasra li emendi għal żewġ liġijiet li kellhom jemeljoraw il-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u fl-istess ħin isaħħu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni tal-poplu tagħna, spiċċaw ħolqu kjass sħiħ madwar il-pajjiż kollu.
L-emendi għal-liġijiet tant importanti li jirregolaw l-operat tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u Ippjanar u l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġu fil-beraħ l-arroganza ta’ dan il-Gvern, li jħoss li għax għandu f’idejh it-tmun ta’ dan il-pajjiż, għandu d-dritt sagrosant li jgħaddi romblu minn fuq il-poplu tagħna: attitudni li urtat lil ħafna, fosthom lil diversi partiti politiċi, NGOs, professjonisti, żviluppaturi ta’ rieda tajba, ċittadini u saħansitra lill-President tal-Partit Laburista stess.
Il-Gvern jimmulta lil min ma jaqbilx miegħu
Fiex jikkonsistu wħud mill-emendi għall-Att dwar it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar?
Waħda mill-emendi timponi multa sa € 5,000 jekk fl-opinjoni tat-Tribunal l-appell sottomess ikun frivolu. U dan mingħajr id-dritt li din il-multa tiġi appellata. Din l-emenda, jekk xejn, ser tagħmel sarima ma’ ħalq iċ-ċittadin komuni u taqtagħlu qalbu milli jeżerċita d-dritt fundamentali tiegħu li jappella minn deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Għall-izball tal-Gvern, tħallas int
Emenda oħra li qed toħloq kontroversja sħiħa hija li meta deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar tiġi mibdula mit-Tribunal ta’ Reviżjoni, jiġu impost multi amministrattivi li jiġu mħallsa lill-Awtorità tal-Ippjanar.
Din hija inġustizzja oħra fil-konfront taċ-ċittadin u għaqdiet oħra mhux governattivi li f’każ li appell jinqata’ favur tagħhom, minflok jiġu kkompensati ser jiġu sfurzati jħallsu multa amministrattiva lill-Awtorità tal-Ippjanar għal deċiżjoni żbaljata li tkun ħadet l-istess Awtorità: mela l-Gvern minflok jikkumpensa lil min ikun aggravat b’deċiżjoni ħażina minn Awtorità tal-Gvern, jimmultahom.
Gvern li jiddeċiedi mingħajr ma jikkonsulta
U xi ngħidu għall-arroganza tal-Gvern li b’daqqa ta’ firma, jista’ jemenda proposta ta’ proġett appellat mingħajr l-ebda konsultazzjoni ma’ terzi?
Tali emenda tista’ twassal għal abbuż ta’ poter sproporzjonat fil-konfront taċ-ċittadini komuni li diġà qed iħossuhom impotenti fil-konfront ta’ ċertu deċiżjonijiet meħudin mill-Gvern, aħseb u ara jekk jidħlu fis-seħħ dawn l-emendi.Sitwazzjoni fejn il-kelb il-magħkus, idur għalih id-dubbien.
Poteri eċċessivi lil ftit b’detriment tal-ħafna
Però l-emendi proposti fir-rigward tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar ma kenux biżżejjed. Biex jitfa’ aktar melħ fuq il-ferità, il-Gvern iddeċieda li jemenda wkoll l-Att dwar l-Awtorità tal-Ippjanar mingħajr ma kkonsulta ma’ hadd.
Filwaqt li preżentament hemm ġerarkija ta’ dokumenti relatati mal-ippjanar, fejn ipoġġi li SPED fuq nett ta’ din il-lista segwit mill-Pjanijiet Lokali, Development Briefs u Policy Documents, l-emendi proposti qed jaqilbu din il-ġerarkija rasha ’l isfel saqajja ’l fuq għal raġunijiet li jaf biss il-Gvern.
Però dan ma kienx biżżejjed. Il-Gvern qed jipproponi wkoll aġġustamenti fl-allinjament ta’ toroq jew bini kif stabbilit fil-pjan lokali, inkluż bidliet fil-limitazzjonijiet tal-għoli u l-klassifikazzjonijiet tal-użu tal-art: u ċioè daqqa ta’ pinna tista’ twassal għal deċiżjonijiet kontroversjali u għalhekk b’mod fin il-Gvern qed jagħti poteri eċċessivi lill-ftit b’detriment għal ħafna.
Sarima ma’ ħalq iċ-ċittadini
Abbażi tal-emendi proposti, biex sempliċiment toġġezzjona għall-applikazzjoni ta’ żvilupp, il-Gvern Laburista qiegħed jimponi li tali rappreżentazzjoni għandha tiddikjara b’mod ċar ir-raġunijiet ta’ oġġezzjoni b’referenza speċifika għall-policies ta’ ppjanar applikabbli u kwistjonijiet ambjentali.
Apparti li din l-emenda ser tinvolvi spejjeż kbar għal min iħoss li għandu joġġezzjona għal xi applikazzjonijiet jew oħra ta’ żvilupp għax bilfors ikollu jikkummissjona perit jew avukat biex jippreparalu l-oġġezzjoni, b’mod indirett il-Gvern qed jagħmel sarima ma’ ħalq dawk kollha li jħossu li għandhom iressqu l-oġġezzjoni tagħhom quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Riforma ħolistika fis-settur tal-ippjanar
Hemm ħafna aktar xi tgħid dwar dawn iż-żewġ abbozzi li ġew ippreżentati b’għaġla kbira fil-Parlament il-ġimgħa l-ohra ftit jiem qabel l-għeluq tal-Parlament għall-vakanzi tas-sajf, però l-ispazju huwa dak li hu. Però nixtieq nikkonkludi dan l-artiklu billi nagħmel referenza għall-appell li l-Kamra tal-Periti għamlet lill-Gvern: u ċioè għall-konsultazzjoni serja u għaqda nazzjonali għal riforma ħolistika fis-settur tal-ippjanar.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 3 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>