Lokali

Persuni jweġġgħu gravi f’inċidenti separati tat-traffiku

Żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’żewġ inċidenti separati tat-traffiku t-Tnejn.

L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar, fi Triq Aldo Moro, il-Marsa. Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li seħħet kollużjoni bejn Mutur Kymco misjuq minn raġel ta’ 67 sena residenti Ħal Tarxien, u BMW i3 misjuqa minn mara ta’ 79 sena residenti Tas-Sliema.

It-tieni inċident ġara għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar, fi Triq il-Mosta, Ħal Lija. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħ impatt bejn Mercedes A180 misjuqa minn raġel ta’ 28 sena residenti Birkirkara, u Renault Megane misjuqa minn mara ta’ 36 sena residenti n-Naxxar.

Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u s-sewwieq tal-mutur kif ukoll ir-raġel ta’ 28 sena ttieħdu l-isptar b’ambulanza għall-kura medika. Aktar tard, huma kienu ċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.