Wake up and smell the coffee – hemm bżonn li tittieħed azzjoni mill-aktar fis, ma jistax ikun li jibqa jkollna dawn il-fatalitajiet kollha fit-toroq tagħha.
Dan intqal mill-NGO Rota wara li fuq is-sit online tagħha ppublikat mappa tal-Gżejjer Maltin bil-persuni kollha li tilfu ħajjithom ms-sena 2000 ‘il quddiem…elenkati.
Fil-paġna hemm ukoll għadd ta’ ritratti tal-vittmi li tilfu ħajjithom fit-toroq fl-aħħar snin – inkluż Victor Calvagna, il-President ta’ Puttinu Cares li ttajjar minn karozza fil-Qawra kważi 4 snin ilu.
Fl-aħħar 25 sena, fost oħrajn, kien 152 persuna li tilfu ħajjithom f’inċident bil-karozza, 115-il sewwieq ta’ mutur, u 139 li ttajru minn vettura.
Sa issa, fl-ewwel 7 xhur u ftit ta’ din is-sena, tilfu ħajjithom 17-il persuna – sitta spiċċaw inqatlu minn vettura, ħames sewwieqa ta’ mutur, ħamsa oħrajn f’karozza, u sewwieq ta’ rota.
L-NGO Rota saħqet li dawn l-imwiet mhumiex statistika, iżda warajhom hemm familja li tħalliet b’vojt kbir.
L-NGO saħqet ukoll dwar il-bżonn li d-disinji tat-toroq ikunu tali mod li jissalvagwardjaw l-aktar vulnerabbli… partikolarment iċ-ċiklisti u dawk li jkunu mexjin fit-toroq.
Dan filwaqt li appellaw għal infurżar li jistgħu jikkumbattu din il-kriżi, fosthom aktar speed cameras, spot checks regolari, manutenzjoni ta’ bankin u tat-toroq, u infurzar adegwat tal-liġi.