Fil-Qorti ta’ Għawdex, il-Maġistrat Jean Paul Grech ikkundanna b’sentenza sospiża lil John Ifeanyi, ċittadin Niġerjan ta’ 46 sena, wara li ammetta li seraq €7,300 b’mod qarrieqi minn imprenditur Għawdxi bl-iskuża li kien se jixtrilu d-deheb mill-Guinea.
Il-każ beda f’Ġunju li għadda meta Clint Grech għamel rapport mal-Pulizija wara li rrealizza li ġie mqarraq minn Ifeanyi, li kien jaħdem miegħu fuq bażi ta’ ‘sub-contacting’ ipoġġi l-madum. Grech qal lill-Pulizija li Ifeanyi offrielu li jixtrilu 10 kilo deheb mill-Guinea għal €16,000, iżda l-vittma aċċetta li jixtri biss tliet kilos għal prezz ta’ €7,300 — €5,900 għad-deheb u €1,400 għall-biljetti tal-ajru.
Wara li ngħata l-flus, Ifeanyi beda jibgħat messaġġi u filmati lil Grech jgħidlu li kien fil-Guinea, iżda minn informazzjoni miġbura mill-Pulizija, fosthom b’biljett ta’ Trenitalia u ċertifikat falz ta’ deheb, irriżulta li kien fl-Italja.
Ifenyai ammetta l-akkużi fil-Qorti u offra li jrodd lura l-flus lil Grech. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija wasslu wkoll għas-sejba ta’ ċertifikat falz ta’ awtentikazzjoni ta’ deheb u biljett tal-ferrovija Taljana li jiġġustifikaw li l-akkużat qatt ma kien fil-Guinea.
Il-Qorti kkunsidrat l-ammissjoni bikrija tiegħu, ikkoopera mal-Pulizija, għandu kondotta nadifa u wera rieda li jrodd lura l-flus. Huwa ġie kundannat għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, u ġie ordnat iħallas lura s-somma ta’ €7,300 fi żmien sitt xhur. Il-Qorti wissietu wkoll dwar il-konsegwenzi jekk jonqos milli jħallas jew jikkommetti reat ieħor matul dan il-perjodu.
Il-Qorti rrifjutat ukoll it-talba tal-Prosekuzzjoni biex l-akkużat iħallas l-ispejjeż relatati ma’ esperti, billi ma ġew appuntati l-ebda esperti fil-kawża. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri.
//= $special ?>