Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ €23,300 għal Direttur ta’ kumpanija fuq immigrazzjoni illegali

Raġel ta’ 46 sena minn Ħ’Attard ammetta li assista d-dħul illegali ta’ immigranti f’Malta u ppreżenta dokumenti foloz, ingħata sentenza sospiża u multa sostanzjali. Id-Direttur li hu self-employed, ġie kkundannat 13-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin u mmultat €23,300 wara li ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri.

Huwa tressaq il-Qorti tal-Maġistrati it-Tlieta, bl-akkużi relatati ma’ attivitajiet li seħħew bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u l-1 ta’ April 2025. Il-prosekuzzjoni akkużatu li organizza u assista biex jiddaħħlu nies f’Malta bla permess u b’mod illegali. Il-Qorti nnotat li l-iskema kienet tinvolvi aktar minn tliet persuni.

Is-sentenza kienet frott ftehim bejn il-partijiet, bl-għan ukoll li tippermetti li l-investigazzjonijiet ikomplu fuq in-netwerk usa’. Għaldaqstant kien ordnat li isem l-akkużat ma jissemmiex fuq il-mezzi tax-xandir. Ma saritx talba biex tiġi kkonvalidata l-arrest, u l-Qorti baqgħet għaddejja bid-deċiżjoni tagħha, fejn ikkundannatu għal 13-il xahar priġunerija sospiżi għal tliet snin flimkien ma’ multa ta’ €23,300.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Karl Roberts f’isem il-Kummissarju tal-Pulizija. L-avukati Joe Giglio, Mattea Giglio u Noel Bianco dehru għall-akkużat. Il-kawża kienet preseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco.