Slovakk ta’ 34 sena nżamm arrestat bil-Qorti tqabbad psikjatra biex ikun magħruf l-istat mentali tiegħu kemm waqt l-allegat reat ta’ fastidju fuq tfajla kif ukoll waqt il-proċeduri li jinsabu għaddejjin fil-Qorti. Ondrej Cervenech qed jiġi akkużat li ffastidja tfajla ripetutament f’diversi okkażjonijiet f’Paradise Exiles, Tas-Sliema, fosthom billi segwiha lejn id-dar, ipprova jmissha u anke pprova jbusha minkejja li kienet qed turi biċ-ċar li ma riditx kuntatt miegħu.
L-akkuzat, li jinsab Malta bħala turist u kien qed joqgħod f’hostel f’Tas-Sliema, kien tressaq il-Qorti fit-28 ta’ Lulju li għadda akkużat li bejn id-23 u s-26 tal-istess xahar iffastidja tfajla li taħdem f’dan l-istabbiliment ta’ rikreazzjoni.
L-Ispettur Ian Azzopardi, li mexxa l-akkużi, spjega kif l-akkużat kien qed jiltaqa’ magħha ripetutament, isegwiha u anke jikkummenta dwar fejn tgħix. L-akkużat, li jidher li għandu problemi biex jitkellem u kif jaġixxi, ġie rrapurtat għall-ewwel darba lis-sigurtà tal-istabbiliment nhar is-Sibt 26 ta’ Lulju.
Skont ix-xhieda tal-vittma, kollox beda l-Erbgħa 23 ta’ Lulju meta l-akkużat beda jiċċassa lejha b’mod insistenti waqt ix-xift tagħha. Il-ġranet ta’ wara, inkluż il-Ġimgħa u s-Sibt, ir-raġel reġa’ deher fl-istess post u baqa’ jsegwiha, tant li anke pprova jmissha u jbusha fuq ħaddejha, ħaġa li għamlitha tħossha skomda ħafna.
Il-vittma rrakkuntat li l-ewwel darba li ndunat bl-akkużat kien fit-23 ta’ Lulju waqt shift tax-xogħol f’Paradise Exiles. F’dik l-okkażjoni, il-persuna kienet preżenti għal tul ix-xift kollu tagħha, u kienet tinduna li kull darba li kienet tħares lejh, kien qed iħares lejha lura – kien qed jgħasses fuqha u jħares b’mod insistenti. Qalet ukoll li l-akkużat ordna x-xorb, iżda baqa’ f’viċinanza tagħha tul il-lejl.
Fil-ġurnata ta’ wara, fil-25 ta’ Lulju, l-istess persuna reġgħet dehret fuq il-bajja. Il-vittma spjegat li kienet qed tipprova tevita kuntatt viżiv miegħu, u anke għamlet użu minn persuni oħra biex tistaħba warajhom. Din kienet l-ewwel darba li esperjenzat dan it-tip ta’ mġiba minn xi klijent, minn meta bdiet taħdem hemm minn April.
F’dik il-ġurnata, l-akkużat resaq lejha biex jordna xi ħaġa, iżda hija qaltlu li għandu jordna direttament mill-bar. Minkejja dan, insista biex hi tieħdu sal-bar, iżda urietu biss fejn jinsab il-bar. Waqt dan il-kuntatt, staqsieha jekk hijiex għajjiena, sa liema ħin kienet se taħdem, u saħansitra staqsieha dwar l-iskeda tax-xogħol tagħha għall-għada.
Aktar minn hekk, l-akkużat għamel kumment dwar fejn tgħix, xi ħaġa li ħassitha allarmanti. Hija riedet ittemm id-diskursata iżda huwa kompla jmissha fuq l-ispallejn waqt li kien qed iħares lejha b’mod insistenti.
Il-vittma qalet li l-akkużat ma kienx vjolenti, iżda xorta waħda pprova jbusha fuq iż-żewġ ħaddejn, u tbaxxa għal fuqha, u kienet qed tħoss ruħha skomda ħafna. Minħabba f’dan, għamlet skuża mal-maniġer tagħha biex titbiegħed mill-bajja u titpoġġa f’pożizzjoni eqreb tal-bar, fejn tħoss aktar sigurtà.
Il-vittma rrakkuntat kif wara l-inċident inizjali fuq il-bajja, l-akkużat kompla jsegwiha u jħares lejha b’mod persistenti, anke meta kienet fil-bar jew ma’ sħabha. Hija qalet li kienet qed tħoss ruħha skomda u mhedda bil-preżenza kostanti tiegħu, speċjalment meta kienet se titlaq mix-xogħol. Waqt li kienet se tmur tiekol ma’ sħabha, l-akkużat baqa’ jħares lejha kontinwament, inkluż fil-viċinanzi ta’ fejn marru jieklu.
Aktar tard, waqt li kienet bilqiegħda fuq bank mal-bajja ma’ sħabha, iddeċidiet li tmur id-dar iżda kienet tħossha mbeżża’. L-akkużat resaq u qagħad bilqiegħda ħdejha fuq l-istess bank, u saħansitra kien hemm kuntatt fiżiku ma’ ġenb xulxin. Hija spjegat li kienet qed tħossha skomda ħafna, ma riditx tkellem miegħu, u kompliet tuża l-mobile biex tevita interazzjoni, iżda huwa beda konverżazzjoni żgħira magħha.
Għalkemm qaltlu li kienet se tmur id-dar, xorta kompliet titkellem miegħu b’ċerta kawtela, għax kienet waħedha miegħu u ma setgħetx tifhem il-mod kif kien qed iġib ruħu. Hija qalet li kienet nofsa rieqda u, kif telqet biex tmur lejn id-dar, l-akkużat beda jimxi warajha.
Peress li kienet imħassba, marret toqgħod ma’ sħabha fuq bank ieħor, iżda huwa reġa’ waqaf qrib tagħhom. Hija bdiet titkellem ma’ sħabha biex tħoss ruħha aktar sigura, iżda ħassitha imbeżżgħa għax huwa baqa’ qrib tagħha, joqgħod warajha.
Wara dan l-inċident, tkellmet mas-sħabha u dawn bdew iħarsu lura lejn l-akkużat, bit-tama li jifhem li ma kenux qed jieħdu pjaċir bih. F’dak il-mument, il-maniġer tagħhom ingħaqad magħhom u kien ukoll imħasseb dwar is-sitwazzjoni. Il-maniġer mar isejjaħ lil membri tas-sigurtà u żewġ uffiċjali tas-sigurtà flimkien mal-maniġer u s-sid tal-lokal resqu lejn ir-raġel u ordnawlu jitlaq.
Meta staqsewh x’kien jeħtieġ mingħand il-mara, huwa wieġeb “xejn”. Il-vittma mbagħad marret lura d-dar akkumpanjata minn sħabha. Minkejja dan kollu, fil-25 ta’ Lulju, ġurnata wara, meta l-vittma ma kellhiex shift imma marret il-bajja biex tiltaqa’ ma’ ħbieb, l-akkużat kien preżenti hemmhekk mill-ġdid fil-bar.
Meta kienet mistoqsija biex tkun iktar konċiża fl-ispjegazzjoni tagħha qalet li għalkemm meta marret fil-lokal fil-ġurnata li ma kenitx xogħol biex tiltaqa’ ma’ sħabha, reġgħet sabet lis-Slovakk hemm mill-ġdid. Din id-darba, kienet akkumpanjata minn ommha, missierha, oħtha u ħabiba.
Ir-raġel kompla jħares lejha u dar magħha, u f’ħin minnhom resaq lejn ommha, messilha spallejha u staqsiha mistoqsijiet personali dwar min kienet u jekk tħobbx lil Malta. Missier il-vittma nnota l-imġiba tiegħu u, skont ir-rakkont tagħha, mar fuqu biex iwissih.
Minkejja dan, ir-raġel baqa’ fuq il-post, u għal darb’oħra ġiet imsejħa l-Pulizija. Dan wara li anke s-sigurtà u l-proprjetarju tal-lokal staqsewh biex jitlaq, iżda reġa’ rritorna wara ftit minuti. Meta l-Pulizija waslu, huwa deher li ma riedx jitlaq, u ġiet imsejħa anke ambulanza biex tiċċekkja jekk kienx f’kundizzjoni medika li tispjega l-imġiba tiegħu. Skont il-paramediċi, ma kien hemm xejn f’kundizzjoni li teħtieġ intervent mediku.
Il-Pulizija għal darb’oħra tkellmet mal-vittma, u qalet li kienet lesta li volontarjament tressaq ilment uffiċjali. Dan wassal biex jiftħu proċeduri kontra r-raġel b’rabta ma’ fastidju, imġiba mhux mixtieqa u disturbi fil-pubbliku.
Il-Pulizija ġew infurmati u marru diversi drabi fuq il-post. Minkejja li t-tfajla inizjalment ma riditx tagħmel rapport kriminali, l-insistenza u l-imġiba ripetuta tal-akkużat wasslu biex il-każ jittieħed iktar bis-serjetà u eventwalment ittieħdu passi kontra tiegħu.
Id-difiża mmexxija mill-Avukat Nadia Fiott għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest u sostniet li l-akkużat għandu l-familja u affarijiet personali f’Malta u li ma kienx hemm periklu ta’ ħarba. Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi saħqet li l-akkużat ma kienx lest jikkopera u lanqas irid jiżvela fejn qed joqgħod eżattament.
Il-Qorti hawn ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma u l-familjari tagħha, iżda hawn l-akkużat deher li ma kien qed jifhem xejn. Viżibbilment iċċassat baqa’ jħares ‘l hemm u ‘l hawn. Hawn il-Maġistrat Marsanne Farrugia, qalet li mhux se tieħu responsabbiltà u għaldaqstant qalet li kienet se tqabbad psikjatra biex jirrelata dwar l-istat mentali tiegħu. Minħabba f’hekk ukoll irrevokat l-ordni ta’ protezzjoni sakemm tkun magħrufa il-qagħda mentali tal-akkużat.
Għall-akkużat deher l-Avukat Nadia Fiott filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Miriayah Borg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispettur Ian Azzopardi.
//= $special ?>