Ambjent Lokali

Gvern li ma jridx jirtira l-liġijiet tal-ippjanar

Hija evidenti minn kliem il-Ministri ta’ Robert Abela li r-riforma fil-liġi tal-Ippjanar mhix se tkun irtirata.

Fil-fatt, fi kliem il-Ministru tal-Ambjent Miriam Dalli, il-Gvern – skont hi – se jkun qed jikkunsidra oppinjonijiet differenti. Madanakollu minkejja t-talba ta’ diversi attivisti u NGO’s, u anke tal-PN, mhux se jkun qed jirtira din il-liġi kontroversjali.

Apparti minn hekk, il-Ministru baqgħet siekta meta ġiet mistoqsija fuq il-fatt li dawn il-liġijiet se jpoġġu f’riskju kbir iz-zoni ODZ.

L-għaqdiet favur l-ambjent, qed jinsist li dawn il-liġijiet iridu jiġu rtirati b’mod sħiħ. Iżda skont il-Ministru Owen Bonnici dawn l-emendi huma fid-direzzjoni t-tajba.

Ritratt: Catriel Farrugia

L-NGO’s ambjentali ma kenux l-uniċi li tkellmu kontra dawn il-liġijiet, hekk kif fl-aħħar jiem tkellmet ukoll il-Kamra tal-Avukati li spjegat li tali riformi se jaqilbu ta’ taħt fuq il-Leġiżlazzjoni tal-Ippjanar f’Malta u se jimpattaw direttament liċ-ċitadini Maltin u Għawdxin.  

Quddiem din il-kritika, u wara l-mozzjoni importanti mressqa fil-Parlament mill-PN, il-Ministru Miriam Dalli kompliet tinħeba wara d-diskussjoni mingħajr ma twieġeb it-tħassib tan-nies.

Anke Owen Bonnici baqa’ jiddefendi din il-manuvra tal-Gvern.

Bil-Ministru jibqa’ jinsisti li din il-liġi hija importanti.