Ambjent Lokali

Il-Bajja tal-Balluta l-iżjed ikkontaminata f’dawn l-aħħar 5 snin

Għal sajf ieħor, il-Bajjiet tal-Balluta, tax-Xlendi, ta’ Birżebbuġia u ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan ġew irreġistrati bl-aktar livelli għolja ta’ bacteria mill-bajjiet kollha ta’ Malta – tant li kellhom livelli ogħla mis-sena l-oħra.

Dan tħabbar permezz ta’ studju kkwotat mit-Times, u li sar minn Victor Axiak, professur tal-Bioloġija fl-Università ta’ Malta. Hu sostna wkoll li f’dawn l-aħħar 5 snin, il-Bajja tal-Balluta dejjem irreġistrat l-ogħla livelli ta’ bacteria… b’qabża drastika bejn il-Bajja tal-Balluta mal-bqija tal-agħar 10 bajjiet f’Malta.

Numru ta’ zoni mal-kosta raw nuqqas sinifikanti fil-kwalita’ tal-baħar. Bil-Bajjiet ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, ta’ Spinola, tal-Armier u ta’ Marsalforn iggravaw mis-sena li għaddiet. Iżda l-Bajjiet ta’ San Tumas u tal-Ġnejna raw titjib fil-livelli.

Dan l-istudju sar bejn it-12 ta’ Mejju u l-20 ta’ Lulju, fejn inġabret informazzjoni dwar il-livelli ta’ E.coli f’41 bajja madwar il-Gzejjer Maltin permezz ta’ 87 stazzjonijiet ta’ monitoraġġ. U dan l-istudju ġie kkumparat mal-istess informazzjoni li nġabret bejn Mejju u Ottubru tal-2024.

Axiak sostna mat-Times li din ir-riċerka tgħin sabiex jiġu dentifikati ‘trends’ fit-tul u biex jiġu kkalkulati l-livell ta’ tniġġis.

Skont l-Unjoni Ewropea, hemm 4 klassifikazzjonijiet tal-kwalità tal-ilma – u l-Bajjiet tal-Balluta u tax-Xlendi ġew klassifikati fil-livell ta’ qabel tal-aħħar.