Futbol Sport

Il-futur ta’ Emerson Marcelina ma’ Ħamrun Spartans jinsab f’salib it-toroq

Emerson Marcelina (Ritratt ta' Joseph Galea)
Emerson Marcelina (Ritratt ta' Joseph Galea)

Fl-isfond tal-impenji Ewropej li Hamrun Spartans Football Club jinsabu għaddejin bihom, b’ċans li jistgħu jiktbu l-istorja u jsir l-ewwel klabb Malti li jgħaddi għall-istadju tal-Kampjonat ta’ waħda mit-tliet kompetizzjonijiet għall-klabbs Ewropej (simili għal meta konna nirreferu għall-gruppi, bil-format il-ġdid),

Il-paġna popolari ta’ Replay illum qed tirrapporta li tinsab infurmata li attwalment teżisti inċertezza dwar il-futur tal-midfielder difensiv Brażiljan, Emerson Marcelina.

Il-plejer, li kellu sehem importanti fis-suċċessi miksuba sal-lum minn Ħamrun Spartans fl-era ta’ Joseph Portelli bħala President tal-klabb, ilu 11-il sena f’Malta, u mal-Ispartans sal-lum kellu l-aqwa żmien tiegħu kemm ilu jilgħab fil-futbol lokali.

Emerson għandu 34 sena, u l-etá tidher li m’hijix problema għal dan il-plejer robust u b’saħħtu li fl-aħħar staġuni biddel ir-rwol tiegħu għal difensur ċentrali. Għalkemm il-pozizzjoni naturali tiegħu hi ta’ plejer quddiem id-difiża, il-versatilitá fl-istil ta’ logħba li kapaċi jilgħab fiha l-eks plejer ta’ Floriana, Birkirkara, Nadur Youngsters u Tarxien Rainbows f’pajjiżna, tgħinu jkun flessibbli fi rwoli oħra, primarjament dawk difensivi.

Hu fatt li mal-wasla ta’ Giacomo Modica bħala kowċ ta’ Ħamrun Spartans, ħafna mill-affarijiet li kienu saru drawwa fl-iskwadra, inbidlu anke għaliex kull kowċ għandu l-istil tiegħu u l-programm ta’ preparazzjoni ta’ qabel kull partita, li jkun differenti minn dak tal-kowċis preċidenti li kellhom iċ-champions Maltin.

Sorsi qrib il-klabb Ħamruniż u li tkellmu ma’ Replay b’mod kunfidenzjali, saħqu li filwaqt li fuq livell personali, teżisti relazzjoni tajba bejn Emerson u Modica, l-eks kowċ ta’ Messina fost l-oħrajn, qed iżomm sod u dixxiplinat mal-mod ta’ kif jippreparha l-iskwadra qabel kull logħba u jekk kwalunkwé plejer, hu min hu, kellu mod ta’ kif u meta jitħarreġ qabel kull konfront, bi ftehim mal-kowċis preċidenti, għall-kowċ Sqalli dan il-ftehim m’għadux jgħodd.

L-istil tal-professjonalitá li jemmen fiha t-Taljan, u forsi riġida li Modica hu magħruf għaliha, b’enfasi speċifka fuq il-preparazzjoni atletika ta’ kull plejer, bidlet mhux ftit l-ambjentazzjoni ta’ Ħamrun Spartans matul il-ġimgħa ta’ taħriġ. Wieħed jifhem li l-personalitá ta’ Modica bħala kowċ, timponi aktar kontribut minn kull membru tal-iskwadra, irrispettivament mil-livell u l-kwalitá tal-plejer.

Meta wieħed iżomm f’moħħu li Modica ġej mill-iskola ta’ futbol li jemmen fiha l-eks kowċ ta’ diversi klabbs fl-Italja, Zdeněk Zeman, allura wieħed malajr jifhem minn min ġie influwenzat il-kowċ Sqalli. Dan kollu jillimita l-ammont ta’ plejers, speċjalment Maltin li kapaċi jkunu konformi mal-programm ta’ taħriġ li jmexxi bih Modica u mingħajr ebda eċċezzjoni ma’ ħadd.

Hu għalhekk li Emerson, li fi Frar li ġej jagħlaq 35 sena, jaf qed iħossu mhux konverġenti ma’ din il-preparazzjoni teknika li Modica hu deċiż li jibqa’ jimxi biha sakemm idum kowċ ta’ Ħamrun Spartans.

Minħabba f’hekk, u anke jekk mhijix fix-xewqa tal-amministrazzjoni Ħamruniża, u jidher li lanqas tal-kowċ Modica, Emerson jaf jikkunsidra li jieħu deċiżjoni li jħalli lit-tim li miegħu tant rebaħ f’dawn l-aħħar ħames snin, jew li jibqa’ jifforma parti mit-tim tal-kowċ Modica.

Sal-lum però, ebda deċiżjoni għadha ma ttieħdet.