Lokali

Is-saħħa mentali tingħata prijorità vera minn Gvern ġdid Nazzjonalista

Gvern Laburista li kapaċi biss għall-pożi u l-paroli u li tefa’ l-kura tas-saħħa mentali f’kollass totali

Wara li lbieraħ rapporti fil-media kixfu kif il-Gvern reġa’ waqqaf il-proċess li għandu jwassal għal faċilitajiet ġodda għall-kura tas-saħħa mentali f’Mater Dei, kif ukoll għal dipartiment tal-Emerġenza ġdid, fl-aħħar sigħat smajna b’aħbar oħra dwar persuna li kienet għall-kura f’Monte Karmeli u li spiċċat l-isptar b’feriti gravi.

Hu evidenti li qed nassistu għal kollass totali ieħor, din id-darba fis-sistema tal-kura tas-saħħa mentali. U l-uniku ħati f’dan kollu huwa l-Gvern.

Sostnew dan ix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali, Ian Vassallo u x-Shadow Minister għas-Saħħa, Adrian Delia fi stqarrija, fejn sostnew li hu inutli li Robert Abela u l-Ministri  jippożaw quddiem il-cameras u jgħidu ħafna kliem sabiħ u inutli li jattendu għal attivitajiet li jqajjmu kuxjenza dwar il-kura tas-saħħa mentali, jekk l-istess Gvern, li suppost itejjeb is-servizzi li għandna, donnu ħalef li jkompli jgħarraqhom.

Fl-aħħar snin f’pajjiżna rajna żieda qawwija ta’ persuni li fittxew l-għajnuna għas-saħħa mentali tagħhom. Iżda minkejja din iż-żieda fit-talba, is-servizzi li qed joffri l-Gvern baqgħu dawk li kienu snin ilu. Agħar minn hekk, il-wegħda ta’ sptar ġdid għas-saħħa mentali issa ntremiet għal kollox u s-swali li kellhom jinbnew fi ħdan Mater Dei minflok dan l-isptar qed isibu ostaklu wara ieħor.

Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jifhem kif quddiem it-tbatijiet ta’ ħafna persuni, li b’ħafna kuraġġ qed jirrikorru għall-għajnuna, qed isibu ma’ wiċċhom Gvern insensittiv li mhux isib flus għal servizzi fis-saħħa mentali, filwaqt li m’għandux problema jberbaq il-miljuni biex il-ħbieb tal-Ministru jixxalaw waqt xi festival. Il-Gvern mhux veru li għandu r-rieda politika li jtejjeb il-ħajjiet tan-nies. Ikun tajjeb li kieku jqum mir-raqda u jifhem dak li għaddejjin minnu ħafna nies.

Il-prijorità tal-Gvern mhijiex is-saħħa tal-poplu. Dik nesiha fuq il-billboards.

Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lill-kura tas-saħħa mentali il-priorità li jixirqilha.