Lokali

Is-sigurtà tal-Maltin u l-Għawdxin mhedda minn Gvern li ma jismax

Il-Partit Nazzjonalista ilu jappella għal sigurtà akbar f’Malta u Għawdex.

Fl-aħħar snin is-sigurtà f’pajjiżna ħadet daqqa ta’ ħarta kbira. Il-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem dwar in-nuqqas ta’ sigurtà f’Malta.

Din il-problema issa nfirxet anke f’Għawdex.

Sostnew dan fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Interni, is-Sigurtà u r-Riformi, Darren Carabott; u x-Shadow Minister għal Għawdex, Alex Borg; li fi stqarrija sostnew li wara l-inċident tal-bieraħ fl-Imġarr fejn persuna spiċċat l-isptar bi ġrieħi gravi, hemm bżonn li l-Gvern iqum u jiftaħ għajnejh, u aktar minn hekk hemm bżonn isib ir-rieda politika li verament jara li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu s-serħan il-moħħ dwar is-sigurtà tiegħu.

Il-problema f’Għawdex kibret sew fl-aħħar snin u l-Partit Nazzjonalista mhux l-ewwel darba li talab lill-Gvern iżid is-sigurtà fuq din il-gżira. Madankollu dawn l-appelli dejjem waqgħu fuq widnejn torox.

Wieħed mill-fatturi li qed iwassal għal nuqqas ta’ sigurtà fl-ibliet u l-irħula huwa n-nuqqas ta’ għases. Anke hawn il-Partit Nazzjonalista għamel pressjoni kemm-il darba biex il-Ministru jiżgura li kull lokalità jkollha għassa miftuħa.

Illum qegħdin f’sitwazzjoni fejn għandna aktar irħula mingħajr għassa milli rħula b’għassa. Għawdex kollu bħalissa jiddependi fuq żewġ għases biss: dik tar-Rabat u dik tal-Imġarr.

Dan mhux mod kif Gvern kompetenti jħares is-sigurtà tal-poplu tiegħu.

Il-Gvern Laburista żera’ mentalità ta’ xejn mhu xejn, fejn min iġib ruħu ħażin ma jbatix il-konsegwenzi.

Huwa l-obbligu tal-Gvern li jreġġa’ lura din il-mentalità u li minnufih jibda jipprovdi r-riżorsi kollha biex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu jistgħu jgħixu f’pajjiżhom bla biża’.