Tiżdied kriżi oħra fis-settur tas-saħħa, dan hekk kif it-tama li ssir espansjoni tal-emerġenza tal-Isptar Mater Dei flimkien mal-wards għall-kura tas-saħħa mentali fix-xhur li ġejjin… reġgħu spiċċaw fix-xejn.
Rapporti mit-Times of Malta indikaw li tender li jiswa 80 miljun ewro, sabiex issir espansjoni tad-dipartiment tal-emerġenza, ġie kkanċellat fix-xahar ta’ Lulju, wara li l-unika kumpanija li applikat għal dan it-tender kienet iddikjarata li se tiġi tiswa ammonti sostanzjali ta’ flus.
CE-BB Projects, kienet l-unika applikazzjoni li daħlet, u li xeħtet offerta ta’ 135.7 miljun ewro sabiex tespandi d-dipartiment tal-emerġenza u anke l-ftuħ ta’ ward li se tospità każijiet ta’ saħħa mentali.
Kien propju għalhekk illi din l-offerta, ma ntlaqgħetx għaliex tiswa 70% aktar mill-budget tal-Gvern u għalhekk ġiet iddikjarata li ekonomikament ma tagħmilx sens.
Minkejja dawn l-iżviluppi, li seħħew f’Lulju, Robert Abela ħabbar illi l-Gvern kien se jkun qed jippubblika tender għax-xogħolijiet ta’ Mater Dei, dan mingħajr ma spjega li dan it-tender li ġie ppubblikat f’Diċembru kien ikanċellat.
Intant, il-kumpaniji CE-BB projects, flimkien ma’ CE Installations Limited u Bonnici Group daħlu għat-tender flimkien. Bil-kumpaniji issa jappellaw id-deċiżjoni tal-Gvern mal-board li jeżamina l-kuntratti pubbliċi.