Internazzjonali

Jinqatlu 138 Palestinjan f’Gaza fl-aħħar 24 siegħa

138 persuna nqatlu mill-forzi Iżraeljani f’Gaza fl-aħħar 24 siegħa. Dan hekk kif in-numru totali tal-imwiet mill-bidu tal-gwerra issa qabeż is-60,000.

L-awtoritajiet Palestinjani qalu li 771 persuna midruba twasslu fl-isptarijie… u għadd ta’ vittmi għadhom taħt it-tifrik, hekk kif l-ambulanzi u t-timijiet ta’ emerġenza ma jistgħux jilħquhom.

Il-Ministeru tas-Saħħa ppreżenta wkoll l-istatistika dwar il-vittmi fost dawk li qed ifittxu l-għajnuna umanitarja, fejn qal li 87 persuna nqatlu waqt li kienu qed jippruvaw jiġbru l-ikel. U 570 oħra ndarbu.

Apparti minn hekk, 20 persuna nqatlu u aktar minn 30 oħra ndarbu meta erba’ trakkijiet inqalbu t-Tlieta filgħaxija. Rapporti qed jgħidu li folla ta’ nies marret lejn it-trakkijiet u bdew jitilgħu fuqhom, u kawża ta’ dan is-sewwieqa tilfu l-kontroll… anke minħabba li t-toroq mhumiex fi stat tajjeb.

Kelliema f’Gaza qalu li 26 trakk kummerċjali daħlu f’Gaza it-Tlieta, u li 20 minnhom waslu b’mod sigur, filwaqt li sitta ġew misruqa. Huma żiedu li erbgħa minn dawn it-trakkijiet inqalbu u li għaxar sewwieqa ndarbu.

Ġie kkonfermat ukoll mill-Ministeru tas-Saħħa li n-numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom kawża ta’ malnutrizzjoni telgħu għal 193, b’96 minnhom ikunu tfal.

Dan kollu seħħ ftit sigħat wara li l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu sostna li jrid jagħmel invażjoni sħiħa ta’ Gaza… pass li uffiċjali minn Nazzjonijiet Uniti qalu li jista’ jkun pass katastrofiku. Tant li sejħu dan il-pjan bħala allarmanti, hekk kif joħloq kundizzjonijiet inumani.

Dan il-pass qed jiġi kkundannat mill-Iżraeljani stess li għandhom il-qraba tagħhom ostaġġi f’Gaza, hekk kif din l-invażjoni totali tista’ titfa’ ħajjithom f’periklu kbir.