Raġel li ġie arrestat talli kiser ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu, inizjalment wieġeb ħati fil-Qorti, iżda wara rtiraha wara intervent legali. Hagen Azzopardi kien tressaq il-Qorti fit-Tlieta 5 ta’ Awwissu 2025, wara li ġie arrestat waqt li kien qed jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija fil-lokalità ta’ Tas-Sliema.
F’Mejju kienet ġiet imposta ordni ta’ trażżin favur l-eks sieħba tiegħu, iżda l-Pulizija allegat li huwa kiser dik l-ordni. Fil-Qorti, Azzopardi ċaħad l-għajnuna ta’ avukat mill-għajnuna legali, u insista li ma riedx avukat. Minkejja t-twissija tal-Qorti ammissjoni tista’ twasslu għall-ħabs, huwa wieġeb ħati u qal:
“Aħjar immur il-ħabs, tal-inqas nitbiegħed minnha… Ma fadallix għażla oħra. Forsi sakemm inkun ġewwa, tinsini għal dejjem.” Dawn il-kliem tqajmu mill-akkużat f’mument ta’ frustrazzjoni emozzjonali u dwejjaq personali.
Madankollu, wara waqfa qasira fejn l-avukat Arthur Azzopardi tkellem privatament mal-akkużat barra l-awla, Azzopardi biddel id-deċiżjoni u talab biex jirtira l-ammissjoni tiegħu. Il-Qorti laqgħet it-talba u rrimarkat li mhux ġust li persuna tammetti għax tinsab għajjiena jew emozzjonalment mkissra.
Wara dan kollu, l-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi. Id-difiża, issa rappreżentata minn Dr. Arthur Azzopardi, talbet għall-ħelsien mill-arrest, billi sostniet li minkejja li l-akkużat għandu żewġ każijiet pendenti oħra, fosthom wieħed li ilu għaddej għal ħames snin, qatt ma kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
L-avukat tal-akkużat sostna li dan il-każ għandu jitqies fiċ-ċirkostanzi tiegħu, u semma li kien hemm komunikazzjoni kontinwa bejn iż-żewġ partijiet, inklużi messaġġi u insulti, minkejja l-ordni ta’ trażżin. Il-Qorti saħansitra semgħet li l-allegata vittma stiednet lill-akkużat biex imur vaganza magħha, u xtratlu biljett.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Omar Zammit, opponiet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, billi saħqet li minħabba n-natura tal-każ u l-fatt li kien għad hemm kuntatt bejn iż-żewġ partijiet, kien hemm riskju ta’ influwenza fuq ix-xhieda.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-allegata vittma tixhed fis-seduta li jmiss.
//= $special ?>