L-impjegati tal-Bank of Valletta qed ikomplu jagħmlu differenza reali fil-komunità, bi 352 impjegat jipparteċipaw f’aktar minn 30 inizjattiva ta’ volontarjat bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena. Dawn l-isforzi appoġġjaw 12-il għaqda mhux governattiva li jaħdmu fis-setturi soċjali u ambjentali.
Aktar kmieni din is-sena, il-Bank ħareġ sejħa għall-għaqdiet mhux governattivi, fejn offra l-appoġġ tal-voluntiera taħt il-programm tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) tal-Bank. Ir-rispons kien pożittiv, b’diversi organizzazzjonijiet jilqgħu l-għajnuna offruta għall-attivitajiet u l-inizjattivi li jagħmlu ta’ kuljum fit-twettiq tal-missjoni tagħhom.
Fost l-għaqdiet mhux governattivi li ngħataw appoġġ fl-aħħar sitt xhur kien hemm Growing 10 Trees, AAA, Horse Lagoon Foundation, ACT Malta, Soup Kitchen, Din l-Art Ħelwa, Nature Trust, Caritas, BirdLife Malta, Żibel, St Jeanne Antide Foundation, u Coast is Clear.
Fost l-aktar mumenti sinifikattivi kien hemm is-sehem tat-Tim Eżekuttiv tal-Bank fis-Soup Kitchen, li ħadem ma’ kollegi oħra fis-servizz lejn membri vulnerabbli tas-soċjetà. “Aħna ninsabu tassew kburin kif in-nies tagħna qed jagħmlu impatt pożittiv fil-komunitajiet li naqdu,” qal Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank. “Il-volontarjat huwa riflessjoni tal-valuri tal-Bank, u meta nxammru l-kmiem u naħdmu flimkien, mhux biss nappoġġjaw lil min hu fil-bżonn imma wkoll insaħħu l-kultura tagħna stess li tgħaqqadna fi skop.”
Il-programm ta’ volontarjat tal-Bank ġie introdott bħala wieħed mill-benefiċċji li l-impjegati għandhom. Dan huwa intiż biex jippromwovi r-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-benesseri permezz tas-sehem attiv tagħhom fil-komunità. Fl-istess waqt dan il-programm qed jikkontribwixxi biex jgħaqqad l-impjegati minn funzjonijiet differenti flimkien bil-għan li jappoġġjaw kawżi nobbli.
“Li nagħtu l-ispazju lin-nies tagħna biex jikkontribwixxu b’mod sinifikanti permezz tal-volontarjat huwa parti mill-impenn tagħna li nibnu kultura li tiffoka fuq rwol attiv fil-komunità ta’ madwarna,” qal Ray Debattista, Chief People and Culture Officer. “Il-volontarjat irawwem l-empatija, l-iżvilupp personali, u spirtu ta’ tim aktar b’saħħtu. Aħna konvinti li dan huwa ta’ vantaġġ għal kulħadd, kemm għan-nies tagħna, kif ukoll għall-komunità.”
Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-Bank; żied jgħid: “Il-volontarjat iqarreb lin-nies; jgħin biex tiżdied il-kollaborazzjoni, u jagħti skop kondiviż li jixpruna l-bidla kemm ġewwa kif ukoll barra mill-organizzazzjoni. Hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn it-tieni nofs tal-2025, qed jiġu ppjanati aktar attivitajiet ta’ volontarjat b’rispons għall-ħtiġijiet kontinwi tal-għaqdiet mhux governattivi u l-komunitajiet lokali.”
