Futbol Sport

Manchester United itejbu l-offerta għal Sesko u Nunez viċin li jħalli lil Liverpool

Benjamin Sesko
Benjamin Sesko

Il-Premier League Ingliż jinsab jiem biss ‘il bogħod mil-bidu tiegħu, u bosta klabbs li fl-istaġun il-ġdid mistennija jkunu minn ta’ quddiem fil-klassifika, għadhom attivi mhux ftit biex jikkonkludu l-kampanja akkwisti tagħhom għal dan is-sajf. Benjamin Sesko u Alexander Isak, preżentament huma l-aktar żewġ plejers fl-aħbarijiet, bil-futur u d-destinazzjoni li jmiss tagħhom għadha mhux magħrufa.

Manchester United u Newcastle United, jinsabu f’kompetizzjoni diretta għal min se jirnexxilu jikseb il-firma tal-attakkant internazzjonali Sloven ta’ 22 sena, Sesko. Skont l-aħħar rapporti, ir-Red Devils tejbu l-offerta tagħhom għall-akkwist taż-żagħżugħ li hu propjetá tal-klabb Ġermaniz ta’ RB Leipzig. L-aħħar offerta li resqu Manchester United tammonta għal £71 miljun.

Iċ-champions Liverpool, għadhom interessati li jakkwistaw lill-attakkant Żvediz, u skorer prolifiku tal-magpies, Alexander Isak. F’dan il-każ id-deċiżjoni tinsab f’idejn Newcastle United li għadhom iridu jieħdu deċiżjoni dwar il-futur ta’ Isak.

Intant, Liverpool aċċettaw l-offerta tal-klabb mill-Arabja Sawdija, Al Hilal biex iċedu lill-attakkant Darwin Nunez. Jingħad li l-ammont maqbul jammonta għal ftit aktar minn £46 miljun, flimkien ma’ numru ta’ perkaċċi oħra li jkomplu jżidu maċ-ċifra li l-klabb mil-Lvant Nofsani se jkun qed iħallas biex jikseb lill-internazzjonali tal-Urugwaj.

Liverpool qed isibuha diffiċli biex jagħlqu l-akkwist tal-internazzjonali Ingliż li jilgħab ma’ Crystal Palace, Marc Guehi. The Reds għandhom bżonn jikkonsolidaw iċ-ċentru tad-difiża u jeħtieġ li jagħmlu akkwist jew tnejn qabel tmiem is-suq tat-trasferimenti, biex jimlew din il-posizzjoni.

Rapporti jindikaw li huma Crystal Palace li qed jagħmluha diffiċli biex Guehi jitlaq għaldaqstant Liverpool qed jaħsbu f’pjan B, li hu Nathan Collins ta’ Brentford.