Lokali Qorti

Multa ta’ €1,200 għal żagħżugħ li saq mutur għarwien

Żagħżugħ ta’ 26 sena ta’ nazzjonalità Ġermaniża li kien f’Malta bħala turist ġie mmultat €1,200 wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Noel Barolo li nhar it-Tnejn li għadda saq mutur meta kien għarwien. Huwa weħel ukoll amenda ta’ ftit iktar minn €29 u kellu l-liċenzja tiegħu sospiża għal sitt xhur.

Amine El Makhfi tressaq mill-Ispettur Ian Vella fejn xlieh li kien bla ħwejjeġ f’post pubbliku u għaldaqstant ma kienx liebes b’mod xieraq u mhux diċenti fil-pubbliku. Huwa ammetta wkoll li saq il-mutur tal-marka Peugeot b’manjiera traskurata fil-lokalità f’tal-Pietà u fi bnadi oħra tal-Gżejjer Maltin.

Il-prosekuzzjoni qalet li wara li xxandru filmati media soċjali bdew l-investigazzjoni u wara ġie ntraċċat l-akkużat u f’xi ħin huwa attenda l-Għassa tal-Ħamrun minn jeddu. Fil-Qorti ġie ppreżentat il-filmat li ntwera fuq il-meżżi soċjali.

Wara l-ammissjoni tiegħu l-Qorti nfurmat lill-imputat li reat bħal dan iġorr piena potenzjali ta’ ħabs. Minkejja dan huwa reġa’ kkonferma l-ammissjoni tiegħu. Il-prosekuzzjoni qalet li meta l-akkużat ġie nfurmat mill-ewwel ta ruħu b’idejh lill-Pulizija.

Il-Qorti ġiet infurmata li sa jdum Malta sa nhar il-Ħadd li ġej. L-Ispettur Vella ssuġerixxa li l-liċenzja tiegħu għandha tiġi sospiża mill-inqas għal ġimgħa sakemm huwa jitlaq minn Malta. L-Ispettur lanqas insista għal piena ta’ priġunerija imma l-iktar piena idonea hija li jingħata multa.

Id-difiża mmexxija mill-Avukat Ingrid Zammit Young qablet ma’ sottomissjoni tal-Ispettur u qalet li l-akkużat iddispjaċih għal dak li għamel u li formalment kien qed jitlob skuża lill-Maġistrat għar-reat li wettaq.