Rebekah Borg
Shadow Minister għall-Ambjent
■ Mhux qed nitkellmu fuq tiġdid tas-sistema iżda fuq liġijiet li jneħħulek kull mezz li għandek biex tiddefendi l-ambjent ta’ madwarek, il-proprjetà tiegħek u l-komunità li tgħix fiha.
Il-Partit Nazzjonalista mill-ewwel ikkundanna kif il-Gvern ressaq bidliet daqstant fundamentali bil-moħbi u bla l-iċken forma ta’ konsultazzjoni pubblika. Fit-tieni pass konkret ippreżentajna mozzjoni fil-Parlament biex dawn l-abbozzi diżgustanti tal-liġi tal-ippjanar jiġu rtirati minnufih.
Ma’ dik li kellha tkun riforma dwar l-appelli, li ilna nitolbu għaliha snin, il-Gvern deffes ukoll abbozzi li se jiftħu l-bibien għal aktar kaos u abbuż fl-ippjanar. U wara diversi snin ta’ stennija xorta ma indirizzax ir-riforma tal-appelli kif suppost.
Dritt għall-oġġezzjoni
L-ewwel daqqa ġejja fuq id-dritt li toġġezzjona. Jekk ma tippreżentax l-oġġezzjoni tiegħek kmieni biżżejjed, b’mod tekniku u bir-regolamenti kollha, titlef id-dritt li tappella aktar ’il quddiem. Allura jekk tgħaddi din il-ligi ċ-ċittadin komuni bilfors irrid iqabbad espert biex jipproteġi lilu nnifsu.
U jekk tippersisti u tagħmel appell li l-awtorità tqisu ‘vessatorju’, tista’ saħansitra tiġi immultat eluf ta’ ewro. Jiġifieri min jesprimi dubji, min jipprova jiddefendi ruħu jew lill-familja tiegħu minn proġett li jista’ jaffettwalu ħajtu, jista’ jispiċċa mmultat.
Dan hu attentat ċar biex jiġi msikket iċ-ċittadin. L-ambjent u l-kwalità tal-ħajja m’għadhomx iktar prijorità. U dan kollu qed jiġri bla konsultazzjoni, bla diskussjoni vera u bla l-iċken involviment tas-soċjetà ċivili.
Xi ħaġa oħra li qed tiġi introdotta f’din il-liġi hi li l-Qorti se titlef is-setgħa li twaqqaf permess li jkun inħareġ bi ksur tal-liġi. Il-Qorti ma tistax tirrevoka permess hi – tista’ biss tibagħtu lura t-Tribunal biex jiġi kkunsidrat mill-ġdid. Dan ifisser li l-aħħar kelma mhux se tkun ta’ Qorti indipendenti imma minn Tribunal li l-membri tiegħu huma maħtura mill-Prim Ministru.
Il-liġijiet il-ġodda jagħtu wkoll setgħat bla preċedent lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tiddeċiedi kif trid. Pereżempju l-ambjent tneħħa bħala wieħed mill-kriterji li l-Bord tal-Ippjanar għandu jikkunsidra meta jiddeċiedi dwar applikazzjoni ta’ żvilupp.
Se tagħti setgħat lill-Ministru u lill-bordijiet biex jiddevjaw mill-policies u mill-pjanijiet lokali skont kif jaqblilhom, inkluż f’ODZ. Ir-regoli jistgħu jiġu injorati skont kif jaqbel lill-Gvern. Saħansitra l-Ministru se jkun jista’ jerġa ’jagħti validità lil permessi skaduti mingħajr applikazzjoni ġdida, u mingħajr ma jikkonsulta lil ħadd. Dan jiftaħ triq għal inċertezza totali u ansjetà fost in-nies.
Kif semmejt diġà, din ir-riforma suppost kienet dwar l-appelli. Illum jista’ jibda xogħol ta’ kostruzzjoni anke jekk il-permess ikun għadu qed jiġi appellat.
Mhux l-ewwel darba li sal-mument li tiddeċiedi l-Qorti l-binja tkun diġà nbniet. U meta finalment il-Qorti tgħid li l-permess ma kellux jinħareġ ikun diġà tard wisq. Ikollok binja lesta imma illegali. U nafu sew x’jiġri f’Malta… dik il-binja tispiċċa tiġi sanctioned. Wara xhur ta’ ġlied u flus li tonfoq f’avukati u esperti, l-unika ħaġa li tibqa’ għandek hi karta li tgħid li l-permess huwa illegali imma l-binja tkun telgħet.
Qbil unanimu
Għalhekk fuq il-kwistjoni tal-appelli hemm qbil prattikament unanimu li din għandha ssir. Imma din is-suppost riforma ma tinkludix biss dan, li xorta ma sarx kif suppost, imma daħħlet magħha pakkett sħiħ ta’ bidliet perikolużi li ċ-ċittadin lanqas biss kien infurmat bihom. Xi wħud diġà semmejthom imma hemm ħafna aktar. Bidliet li jnaqqru mid-dritt li tiddefendi l-ambjent, li jżarmaw kull kontroll li hemm fuq l-iżvilupp f’pajjiżna u li jwarrbu kull sens ta’ responsabbiltà u trasparenza fis-sistema tal-ippjanar.
Il-Partit Nazzjonalista ilu snin jinsisti li jekk se ssir riforma għandha tkun waħda serja, trasparenti u ħolistika. Dak li għandna bżonn verament huwa proċess ta’ reviżjoni sħiħ tal-ippjanar ibbażat fuq viżjoni nazzjonali, fuq strateġija aġġornata u fuq studji konkreti bħall-carrying capacity studies. X’tip ta’ żvilupp hu meħtieġ? Kemm nistgħu nifilħu bħala pajjiż? Fejn għandu jsir? Dawn huma l-mistoqsijiet li suppost jiggwidaw kull riforma vera. Mhux pakkett ta’ liġijiet moħbija li jħallu ċ-ċittadin barra u jkissru s-sistema tal-ippjanar.
Dan kollu mhux aċċettabbli. Ma nistgħux nibqgħu naraw il-pajjiż jittiekel biċċa biċċa u noqogħdu siekta. Il-poplu qed jiġi mċaħħad mid-drittijiet tiegħu wieħed wara l-ieħor. L-ippjanar sar strument ta’ kontroll minn fuq u ċ-ċittadin spiċċa barrani f’artu stess. Sieket u bla saħħa.
Din mhix riforma. Din hija daqqa ta’ ħarta f’wiċċ kull min għandu għal qalbu l-ġustizzja, l-ambjent u l-ġid komuni. Huwa abbuż istituzzjonalizzat ta’ sistema li suppost teżisti biex tħares is-sehem ta’ kulħadd. Il-messaġġ hu wieħed. Jekk m’intix parti mill-ftit m’għandekx vuċi, m’għandekx dritt, m’għandekx saħħa.
Imma aħna mhux se noqogħdu lura. Mhux issa. Mhux quddiem abbuż bħal dan. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jikkumbatti dawn il-liġijiet f’kull forum possibbli. Se nibqgħu nisħqu li kull riforma trid issir favur in-nies, mhux kontrihom.
Issa huwa ż-żmien li ngħidu bi kliem ċar: Mhux f’isimna.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 3 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>