minn Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’
Din il-ġimgħa l-Parlament għalaq għall-ferjat tas-sajf, perjodu li fih ma titlaqqax il-kamra u għalhekk id-doża politika tnaqqas xi ftit ukoll. Jidhirli li din kienet l-ewwel darba fi 38 sena li l-Parlament għalaq daqstant tard, u se jerġa’ jiftaħ fil-15 ta’ Settembru.
Madankollu, anke jekk il-ħidma parlamentari tnaqqas sewwa, il-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ għaddej anke minħabba li primarjament, ma’ dħul Settembru rridu nħejju ruħna għal tmexxija ta’ Kap ġdid. Kap ġdid se jsib quddiemu perjodu intens għaliex bil-mod il-mod il-pajjiż jibda riesaq lejn elezzjoni ġenerali, anke jekk din hija skedata għal xi żmien bejn Marzu u Mejju tal-2027.
Hu x’inhu, il-leġiżlatura attwali, minn Settembru ta’ din is-sena tibda riesaq lejn l-aktar perjodu kruċjali: il-Gvern jibda jagħlaq il-programm elettorali tiegħu u jipprepara għall-elezzjoni waqt li l-Oppożizzjoni tibda tħejji programm li bih tista’ toffri alternattiva.
Il-ħidma ma tiqafx
Fuq livell personali, il-ħidma tiegħi bħala Membru Parlamentari ma tiqafx għaliex dan huwa perjodu li fih insib aktar okkażjonijiet biex inkompli nkun qrib in-nies minħabba l-perjodu sabiħ tal-festi fil-lokalitajiet. Dan huwa żmien fejn bħala membru parlamentari nifhem aħjar x’jiddistingwi minn lokalità għal oħra, nifhem aħjar il-qawwa tal-volontarjat, nifhem aħjar is-sabiħ tal-kollettiv, u fuq kollox nifhem aħjar u aktar lil min qiegħed nirrappreżenta.
Din hija l-politika li nħaddan: il-politika tat-triq, dik li żżommni wieħed minnkom u qatt lil hinn.
Madankollu, fil-festi ma tiltaqax ma’ kulħadd, u għalhekk f’dan iż-żmien fejn l-atmosfera politika tkun aktar kajmana, nibqa’ għaddej biż-żjajjar fid-djar. Hemmhekk tisma’, tiddiskuti, tipproponi, tistaqsi, titgħallem, tirribatti u l-bqija. Għalhekk, nibqa’ ngħożż dejjem kull dar li nidħol fiha għaliex f’kull dar tixxettel il-politika.
Dan il-perjodu madankollu jagħtini ftit żmien biex nibda nipprepara għall-perjodu tal-baġit, perjodu li fih bħala membru parlamentari responsabbli mill-Edukazzjoni, inħejji biżżejjed materjal sabiex nibni d-diskors tiegħi bħala tweġiba għall-baġit tal-Gvern.
Minkejja li l-partit se jkollu Kap ġdid kif nidħlu lura fil-Parlament, u għalhekk id-dekasteri li tagħhom il-membri parlamentari huma Shadows jistgħu jinbidlu, ninsab kunfidenti li nista’ nibqa’ nagħti kontribut bħala kelliem għall-Edukazzjoni. U għalhekk, huwa fid-dover tiegħi li nibda nħejji ruħi sewwa, ikun xi jkun l-eżitu tal-pregorattiva tal-Kap il-ġdid.
F’dan iż-żmien, inkun nista’ nagħmel analiżi ta’ sena sħiħa, bejn dak li kien imfassal u sar, u l-ħafna li ma sarx. Dak li sar għax sar u ma sarx kif kellu jsir, in-nuqqasijiet, l-isfidi li għandu l-pajjiż u fuq kollox noħroġ hemm barra dak li jrid il-Partit Nazzjonalista għall-qasam tal-edukazzjoni. Mela, huwa wkoll perjodu ta’ ħsieb, ta’ studju, ta’ importanza assoluta, anke jekk ma jkunx jinħass.
Irrid nagħlaq din il-parti biex inkompli nħeġġeġ lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor iħossu li jistgħu jikkontribwixxu bl-ideat tagħhom, sabiex jagħmlu kuntatt miegħi.
Kull idea hija valida, u kull idea għandha tkun kunsidrata.
Strateġija oħra mal-oħrajn!
Se nikteb biex inkun skjett u bla tidwir mal-lewża, bħala persuna li nħobb il-lingwa Maltija, bħala awtur u fl-aħħar bħala politiku.
Nhar it-Tnejn li għadda, il-Minsteru tal-Edukazzjoni b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, nidew Strateġija biex jippromwovu l-ktieb u l-Pubblikatur Malti.
Iċ-champions tal-Istrateġiji – għax kollhom strateġiji li ma jkunux implimentati – nidew strateġija fl-assenza ta’ bosta stakeholders li ma ħassewx li għandhom ikunu parteċipi ta’ din il-farsa. Tant kienet katastrofika s-sitwazzjoni li kellhom iduru għan-nies li sabu fil-uffiċini u fil-kurituri tal-Ministeru biex jimlew l-ispazju quddiemhom minħabba l-kameras! Jiġifieri, jekk il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb mhux jappella għall-pubblikaturi, għal min eżattament qiegħed jappella?
Ir-raġuni wara din il-farsa, naf x’inhi, u anke huma jafu x’inhi imma kibritilhom rashom u ma jridu jisimgħu mill-feedback ta’ ħadd, jew inkella għax qegħdin jisfidaw politikament (u naf x’qed ngħid!) L-importanti għalihom, hu li saret. Għalija, le.
Sadanittant il-Gvern qiegħed ikompli jiddiskrimina ma’ dan is-settur billi jagħżel li ma jgħinux filwaqt li ta man-nofs miljun ewro lil pubblikatur barrani għal żewġ kotba; u jkompli jikkompeti mal-Pubblikaturi lokali bil-Ministeru issa jippubblika wkoll il-kotba tal-iskejjel huwa stess. Lis-settur tal-pubblikazzjoni Malti ġabuh tallab f’pajjiżu, u qegħdin jeqirduh bil-barka tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb!
Issa meta jibdew jagħlqu l-bibien il-pubblikaturi, mur ġibhom lura, u dan fi żmien meta pajjiżna qiegħed jara lil uliedu jitwarrbu mill-kotba b’rata allarmanti. Jekk jagħlqu l-Pubblikaturi Maltin, addijo kotba bil-Malti, u addijo awturi Maltin. Meta se jifhmuha din?
Din l-Istrateġija hija biss wish-list! Ħafna xinxilli u direzzjoni ma teżistix. Għandna bżonn strateġija fil-qasam? Iva, imma li tkun qiegħda tindirizza l-isfidi u l-problemi li rrimarkaw il-Pubblikaturi lill-istess Ministeru.
Forsi tiftakru meta l-Gvern ħabbar li se jagħti l-vouchers lit-tfal tal-iskola biex jonfquhom waqt il-fiera tal-ktieb. Tlabt b’insistenza fil-Parlament biex il-Gvern jikkunsidra proposta sempliċi, li dawn il-vouchers jintefqu biss fuq kotba b’ISBN Malti (jiġifieri jkunu tal-Pubblikaturi Maltin) sabiex nissapportjaw dak li hu Malti (anke jekk il-kotba li jippubblikaw ikunu kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż). Sadanittant ma smajna xejn, għax forsi wkoll hekk jaqblilhom!
Kemm huwa ta’ dispjaċir li għandna Ministeru li jagħmel biss dak li jidher u biex jidher.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 6 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>