Opinjoni

OPINJONI: Is-solitudni li tkidd lill-anzjani

minn Joe M. Zahra, President APAN

Meta persuna tikber u f’ħafna każi tispiċċa waħedha għaliex ir-raġel jew il-mara jmutu, din tinħakem minn solitudni. Solitudni li llum tinħass iktar għaliex il-familji qegħdin dejjem jiċkienu u allura hemm inqas lok li t-tfal jindukraw lill-ġenituri anzjani tagħhom.
Studju ġdid li sar mill-Caritas, u li kien pubblikat dan l-aħħar, enfasizza li l-iżolament, il-ġudizzju li tagħti s-soċjetà, il-biża’ tad-dipendenza komunement jinħassu minn anzjani li jgħixu waħedhom.
F’pajjiżna għandna iktar minn 106,000 persuna ’l fuq minn 65 sena. Madwar 20,000 jgħixu waħedhom. Iktar minn 1,200 jixtiequ jmorru f’dar tal-anzjani iżda m’hemmx sodod għalihom. Ħafna minn dawk li jgħixu waħedhom jibżgħu meta jasal il-lejl. Dan hu l-ewwel skoll għaliex f’pajjiżna m’għandniex night shelters biżżejjed għal dawk li jridu jqattgħu l-lejl fil-kumpanija u taħt is-sorveljanza ta’ xi ħadd. Inutli nisimgħu li hemm night shelters li mhumiex imorru anzjani fihom. Jekk dawn ikunu ’l bogħod minn djarhom mhux se jaslu għalihom jekk ma jipprovdulhomx trasport.
L-APAN ilha tinsisti li f’kull lokalità għandu jkun hemm djar żgħar fejn anzjani li ma jridux ikomplu jgħixu waħedhom ikollhom fejn imorru u jibqgħu fil-qalba tal-belt jew raħal fejn trabbrew u kibru. Hekk ikunu jistgħu jibqgħu jżommu l-ħbieb li kellhom. Il-Gvern irid iħares li meta jsib sodda għal anzjani din ma tkunx fil-parti l-oħra ta’ Malta fejn dak li jkun ikun trabba għax hekk tkun qtajtu mill-familja u l-ħbieb. Tkun għamiltha diffiċli lil min irid imur jarah. Naf x’qed ingħid għaliex għaddejt minnha. Minn Birżebbuġa nitla’ kuljum San Pawl il-Baħar!
Il-Gvern għandu jkollu hu wkoll id-djar tal-anzjani tiegħu. Mhux flok ma jżidhom inaqqashom kif għamel meta għalaq id-djar tal-anzjani ta’ Bormla u l-Imsida.
Din tad-djar hi l-ewwel pass lejn li titnaqqas is-solitudni minn fost l-anzjani. Imbagħad hemm mezzi oħrajn. Bħal pereżempju ħarġiet għall-anzjani organizzati mill-Kunsilli Lokali jew għaqdiet volontarji. Nafu ħafna każi fejn l-anzjani jkunu jridu jmorru ikliet bħal dik tal-Milied organizzata mill-Caritas fil-Kurja iktar milli biex jieklu biex ikollhom ftit kumpanija. Dan għandu jwassal biex jinstabu l-mezzi ħalli l-anzjani jiltaqgħu iktar flimkien.
Is-solitudni kerha. Iktar meta tilħaq ċerta età. Meta tkun tlift lil martek jew lil żewġek. Flok il-ħafna reklami ta’ x’qed jagħmel għall-anzjani – servizzi li tista’ tgħid bdewhom kollha gvernijiet Nazzjonalisti – il-Gvern għandu jsib irkaptu tal-problema tas-solitudni fost l-anzjani. Għandu jaħdem flimkien ma’ għaqdiet volontarji biex l-anzjani jsibu kumpanija.

Attività b’differenza

Juliana Fenech
Nhar il-Ħamis 31 ta’ Lulju kellna attività ferm differenti milli s-soltu jkollna. Attività li saret l-ewwel darba mill-assoċjazzjoni tagħna – l-APAN. Rev. Dr Jean Govè spjegalna suġġett tant kompless, l-Intelliġenza Artifiċjali, IA, b’mod li aħna stajna nifhmuh.
Għalkemm aħna l-anzjani nibżgħu minn dan is-suġġett, mingħajr ma nafu qegħdin diġà nużawh. Kull meta rridu nitkellmu ma’ ċerti azjendi u nużaw iċ-chatbot, inkunu qegħdin nużaw sistema ġenerata mill-IA. Importanti ferm li nżommu l-privatezzza meta nagħmlu użu tal-kompjuter.
Filwaqt li meta nużaw calculator, jekk nużawh b’mod tajjeb, dan jagħtina riżultat perfett, irridu nżommu f’moħħna li l-intelligenza artifiċjali f’kull riċerka li nagħmlu r-riżultat mhux bilfors ikun perfett. L-IA tipperċepixxi li din l-informazzjoni hi tajba, imma int trid tiċċekkjaha.
L-intelliġenza artifiċjali hija l-kapaċità ta’ magna li turi kapaċitajiet simili għall-bnedmin bħal raġunament, tagħlim, ippjanar u kreattività. Il-kompjuter jirċievi dejta, jipproċessaha u jagħti informazzjoni.
L-IA qed tfassal mill-ġdid id-dinja tagħna u qed tħalli impatt kbir fuq ħafna oqsma, bħalma huma r-riċerka medika u l-liġi. Biż-żmien, hija mistennija tidħol iktar fil-ħajja ta’ kuljum.
L-Unjoni Ewropea bdiet l-ewwel liġi biex tindirizza r-riskju potenzjali filwaqt li tippromwovi l-użu tagħha.
Min hu Rev Dr Jean Govè
Rev Dr Fr Jean Govè huwa riċerkatur fil-filosofija u l-etika tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA).
Għalkemm jgħix u jaħdem Malta, huwa Riċerkatur Affiljat mal-“AI u Humanity Lab” tal-Universita’ ta’ Hong Kong. Barra minn hekk jikkoordina grupp ta’ riċerkaturi Ewropej dwar l-IA fi ħdan id-Dekasteru tal-Kultura u l-Edukazzjoni fil-Vatikan filwaqt li jirrappreżenta s-Santa Sede fil-Kunsill tal-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mal-IA.
Lokalment Fr Jean Govè hu l-Koordinatur Dijoċesan għall-ħidma tad-djoċesi marbuta mal-Intelliġenza Artifiċjali.

Laqgħa ta’ informazzjoni f’San Pawl il-Baħar

Fis-sensiela tal-laqgħat ta’ informazzjoni nhar il-Ħamis 10 ta’ Lulju morna fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar fejn id-diskussjoni ffukat fuq in-nuqqasijiet fl-isptarijiet tal-Gvern speċjalment fejn jidħlu l-anzjani u n-nuqqas ta’ sodod fid-djar tal-anzjani. Tkellima wkoll dwar l-anzjani li qed jgħixu mingħajr saqaf fuq rashom u dwar l-anzjani fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Wara dawk preżenti kellhom l-opportunità li jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom lid-Deputati Nazzjonalisti Paula Mifsud Bonnici u Ivan Bartolo. Il-laqgħa tmexxiet mill-President tal-APAN Joe Zahra.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ergbħa 6 ta’ Awwissu, 2025.