Opinjoni

OPINJONI: Qegħdin il-politiċi jieħdu ħsieb il-kwalità tal-ħajja tagħna?

Għandna bżonn politika ta’ kontroll, trasparenza u serjetà dwar kemm u kif qed jiġu permessi nies ġodda biex jgħixu f’pajjiżna

George Muscat
Kandidat Elezzjoni Ġenerali
Tmien Distrett

Filwaqt li l-pajjiż tagħna jkompli jikber u jiżviluppa, il-mistoqsija li ħafna minna qed nagħmlu hi: qegħdin il-politiċi tagħna verament jieħdu ħsieb il-kwalità tal-ħajja tagħna ta’ kuljum? Kemm hu importanti li l-iżvilupp iseħħ b’mod sostenibbli u b’rispett lejn il-bniedem, l-ambjent u l-identità tagħna?

L-arja li nieħdu n-nifs minnha
Ħafna mill-Maltin u Għawdxin illum qed jgħixu f’ambjent fejn l-arja hi tniġġeż. L-iżvilupp bla rażan, il-kostruzzjoni kontinwa, u ż-żieda qawwija fil-vetturi, qed iħallu impatt serju fuq saħħitna. Tfal bid-deni kroniku, anzjani b’diffikultajiet respiratorji, u ċittadini li m’għadhomx jistgħu jgawdu ġurnata barra mingħajr ma jħossu l-effetti ta’ arja miżbla.
Dan mhux normali, u l-awtoritajiet iridu jieħdu azzjoni konkreta, mhux kliem vojt.

Il-piż tal-popolazzjoni żejda
Malta hija wieħed mill-aktar pajjiżi iffullati fl-Ewropa. Il-popolazzjoni żdiedet drastikament f’dawn l-aħħar snin, b’konsegwenzi fuq l-infrastruttura, l-ambjent u s-servizzi pubbliċi. L-iskart, it-traffiku, il-prezz tal-proprjetà, u l-konġestjoni huma kollha sinjali ta’ pajjiż li ma jistax ilaħħaq mal-popolazzjoni tiegħu.
Għandna bżonn politika ta’ kontroll, trasparenza u serjetà dwar kemm u kif qed jiġu permessi nies ġodda biex jgħixu f’pajjiżna.

It-tniġġis akustiku u n-nuqqas ta’ dixxiplina
Mingħajr dubju, il-kwalità tal-ħajja tagħna qed tiddeterjora wkoll minħabba l-istorbju bla kontroll – kemm minn vetturi, kemm minn kostruzzjoni, kif ukoll minn każini u attivitajiet li jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu.
U x’inhu qed isir dwar dan? Ħafna drabi l-awtoritajiet jibqgħu siekta. Il-liġijiet jeżistu, imma l-infurzar jonqos.
Barra minn hekk, id-dixxiplina bażika – bħal ħarsien tat-triq, rispett lejn l-oħrajn, u ordni pubbliku – jidher li spiċċat.
Pajjiż bla dixxiplina u infurzar tal-liġijiet ma jistax jimxi ’l quddiem.

Il-Malti tagħna – identità f’riskju?
Il-lingwa Maltija hija parti essenzjali mill-identità tagħna. U madankollu, qegħdin nagħtuha l-importanza li tixirqilha?
F’ħafna oqsma qed naraw tnaqqis fl-użu tal-Malti, jew użu ħażin tiegħu. Fil-midja, fil-kummerċ, u saħansitra fl-iskejjel, il-Malti spiss jinqeda bħala għażla sekondarja. Dan huwa allarmanti. Jekk ma nipproteġux il-lingwa tagħna, inkunu qed nitilfu parti mir-ruħ tagħna bħala poplu. U jekk ma nipproteġuhiex aħna l-lingwa tagħna, min nippretendu li se jipproteġiha?
Jeħtieġ li l-politiċi jwettqu politika lingwistika serja u konkreta biex iħarsu l-ilsien tagħna u jippromwovu l-użu tajjeb tiegħu.

Konklużjoni
Il-ġid ekonomiku ma jfisser xejn jekk ma jkunx akkumpanjat minn kwalità tal-ħajja. L-iżvilupp irid ikun bilanċjat, b’viżjoni li tagħti prijorità lis-saħħa, l-ambjent, l-ordni pubbliku u l-identità tagħna.
Wasal iż-żmien li bħala ċittadini nitolbu aktar serjetà u responsabbiltà. Pajjiżna jixraqlu aħjar – u dan jista’ jsir biss jekk dawk fil-poter jisimgħu l-vuċi tan-nies u jħaddmu l-ġustizzja soċjali, mhux l-interessi ta’ ftit.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ergbħa 6 ta’ Awwissu, 2025.