Futbol Sport

PAOK Thessaloniki jakkwistaw b’self għal staġun lill-Mosti Prince Afriyie

Prince Afriyie (xellug)
Prince Afriyie (xellug)

Jiem biss qabel jibda l-Malta Premier, Mosta tilfu wieħed mill-aqwa plejers barranin li kellhom fl-istaġun li għadda, u li rawhom għal darbtejn fuq xulxin jispiċċaw mal-ewwel sitta tal-Opening u l-Closing Round tal-Malta Premier 2024/25, il-midfielder Prince Afriyie.

Għalkemm il-klabb Mosti għadu ma ħabbarx b’mod uffiċjali din l-aħbar, Net News jista’ jikkonferma li fl-aħħar jiem kienu għaddejin negozjati bejn Mosta u PAOK Thessaloniki tal-Greċja, bl-għan li jkun konkluż ftehim għat-trasferiment taż-żagħżugħ promessa ta’ 19-il sena.

PAOK Thessaloniki ffirmaw lil wieħed mill-aqwa plejers barranin li kellna f’Malta fl-istaġun li għadda, b’self għal staġun. Il-plejer mill-Ghana mistenni jibda jilgħab mat-tieni tim ta’ PAOK Thessaloniki, bit-tama li eventwalment ikun utiliżżat fl-iskwadra li tifforma parti mis-Super League Grieg.

Hu mifhum li t-trasferiment b’self għal staġun wieħed jinvolvi somma konsiderevoli ta’ flus li se jgawdi minha l-klabb ta’ Mosta, bil-qbil bejn il-klabbs jinkludi wkoll li l-klabb Grieg se jkollu l-ewwel għażla li jixtri l-plejer fil-bidu tal-istaġun li ġej.