Lokali

Rabja mill-ġenituri għan-nuqqas ta’ support educators

Fl-aħħar jiem, il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, wera biċ-ċar li skont hu m’hawnx problema b’rabta man-numru ta’ LSEs impjegati fl-iskejjel tal-Gvern.

Jirriżulta li din il-kwistjoni qed tħalli impatt negattiv fuq l-istudenti, u saħansitra qed toħloq frustrazzjoni fost ħafna ġenituri. Dan hekk kif is-sena l-oħra it-tfal kienu qed imorru l-iskola u jerġgħu jiġu mibgħuta lura d-dar għax l-LSE tagħhom tkun ma tiflaħx jew bil-leave – u saħansita ma jkunx hemm min jibdilha.

Mhux hekk biss iżda, kien hemm każijiet fejn studenti li jeħtieġu LSE 1 on 1 qed jispiċċaw b’LSE shared u sfortunatament it-tfal mhumiex jingħataw biżżejjed attenzjoni.

Huwa ċar li dak li qal il-Ministru huwa totalment l-oppost ta’ dak li jaħsbu n-nies.

Dan hekk kif taħt filmat li ttella’ minn din il-kamra tal-aħbarjiet, ir-rabja fost il-ħafna persuni u ġenituri li kkumentaw, kienet tidher biċ-ċar.

B’ħafna jgħidu li l-Ministru ma jafx x’inhu jiġri u li huwa ikompetenti. U b’missier ta’ tifel li għandu LSE jgħid li l-Ministru żabljat… “kull meta l-LSE tat-tifel tkun sick jibagħtuh id-dar għax m’hemmx replacement… u, bin-nuqqas ta’ LSE’s li hemm, it-tifel għamel tliet ġimgħat waħdu fl-ewwel sena ta’ kinder 1.”

Omm oħra qasmet esperjenza simili fejn stqarret li s-sena l-oħra kellha kwistjoni għax l-LSE ta’ binha kien ikollu time off jew sick li għandu dritt bħal kulħadd, iżda kienu jċemplulha mill-iskola biex tiġbor lit-tifel.

Mara oħra qalet lill-Ministri biex ma jibqgħux jgħaddu l-poplu biż-żmien.

Din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ LSEs qed taffettwa ammont kbir ta’ tfal u ġenituri. Iżda skont il-Gvern, m’hemm ebda problemi.