Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa għal raġel li saq Lexus misruq mingħajr liċenzja fil-Ħamrun

Żagħżugħ ta’ 22 sena mis-Sirja ġie kkundannat għal tliet xhur ħabs sospiżi għal sena u mmultat €2,329.37 wara li ammetta li saq karozza Lexus misruqa fil-Ħamrun mingħajr liċenzja tas-sewqan u mingħajr assigurazzjoni.

Maruan Alsudi Matar, li għandu passaport Bulgaru iżda ebda indirizz fiss f’Malta, inqabad mill-Pulizija nhar it-Tnejn filgħaxija wara li ġie mwaqqaf minn gwardjan lokali, u li aktar tard irriżulta li l-karozza kienet tappartjeni lil persuna oħra.

L-Ispettur Ian Vella spjega fil-Qorti li Matar uża l-karozza mingħajr awtorizzazzjoni, u lanqas ma kellu liċenzja tas-sewqan valida jew assigurazzjoni fuq il-vettura. Żied jgħid li Matar qed jgħix illegalment f’Malta, fatt li talab lill-Qorti tikkunsidra fis-sentenza tagħha.

L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi kollha, u rrepetiha anki wara li ngħata l-opportunità jikkonsulta mal-avukat tiegħu.

Id-difiża, immexxija mill-avukata Ingrid Zammit Young, argumentat li l-akkużat ma kienx konxju sew tas-sitwazzjoni u talbet li l-multa tiġi mħallsa b’rati minħabba l-qagħda finanzjarja tiegħu.

Il-Maġistrat Noel Bartolo ikkundannah għal tliet xhur ħabs sospiżi għal sena, immultah €2,329.37, u ssospenda l-possibbiltà li jkollu liċenzja tas-sewqan għal sena.

L-Ispettur Ian Vella mexxa l-prosekuzzjoni.