Winston Joseph Gera, raġel ta’ 52 sena residenti San Ġiljan, ġie kundannat sena ħabs, sospiża għal erba’ snin, wara li ammetta li insulta, hedded u ffastidja lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fuq il-midja soċjali.
Il-każ kellu x’jaqsam ma’ kummenti offensivi li Gera ppubblika fuq Facebook bejn l-2023 u Mejju tal-2024, b’komunikazzjonijiet li kienu indirizzati direttament lejn il-Maġistrat. L-aħħar kumment sar fl-24 ta’ Mejju 2024.
Huwa ġie mmultat ukoll is-somma ta’ 750 ewro filwaqt li mponiet ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin fil-konfront tal-Maġistrat Frendo Dimech. Il-Qorti kkonfiskat ukoll is-somma ta’ 2,000 ewro favur il-Gvern ta’ Malta wara li Gera kisier il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest, liema depiożitu kien dak ta’ 5,000 ewro.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Keith Xerri, ressqet evidenza li kienet tinkludi screenshots ta’ kummenti fil-konfront tal-Maġistrat Frendo Dimench. Peress li Maġistrat jitqies bħala uffiċjal pubbliku skont il-liġi Maltija, il-każ ġie aggravati taħt dan il-kuntest.
Huwa talab biex jagħmel dikjarazzjoni verbali fil-Qorti, fejn għamel apoloġija formali lill-Maġistrat u wera dispjaċir profond dwar l-imġiba tiegħu. L-avukat tad-difiża kien spjega li Gera kien għadda minn ċirkustanzi diffiċli, hekk kif il-Maġistrat inkwistjoni kienet ikkundannatu flimkien mal-partner tiegħu għal seba’ snin ħabs wara li nstabu ħatja ta’ traffikar ta’ nisa għall-prostituzzjoni, u l-proprjetajiet tagħhom kienu ġew konfiskati mill-Istat.
Dik is-sentenza ġiet irrevokata fuq teknikalità mill-Qorti tal-Appell Kriminali f’Ġunju tas-sena li għaddiet.Id-difiża argumentat li, għalkemm l-azzjonijiet tiegħu mhumiex ġustifikati, dawn għandhom jittieħdu fil-kuntest tat-tbatija u d-disperazzjoni li kien fiha. L-Ispettur Keith Xerri mexxa l-prosekuzzjoni.
Il-Maġistrat Marseanne Farrugia wissiet lill-imputat li m’għandux isegwi lill-Maġistrat Frendo Dimech u li meta jkun il-Qorti ma jersaqx lejn l-awla tagħha u ma jimmolestagħhuex. Huwa se jinżamm arrestat sakemm iħallas l-2,000 ewro li tilef mid-depożitu li kien għamel. Għall-akkużat dehru l-Avukati Anthea Bonnici Zammit u Marion Camilleri.
//= $special ?>