Lokali Saħħa

“Sistema falluta f’Monte Carmeli” – Andrew Azzopardi

Persuna li kienet għall-kura fl-Isptar Monte Carmeli sabet ruħha f’ċirkostanzi traġiċi wara li ħarbet mill-isptar mingħajr ħadd ma induna. Bil-persuna jispiċċa fl-ITU.

F’post fuq il-midja soċjali, il-Professur Andrew Azzopardi, esprima t-tħassib u l-frustrazzjoni tiegħu dwar il-każ fejn kritika lil min hu responsabbli, filwaqt li stqarr li tali inċidenti jseħħu b’negliġenza.

Hu sostna li bħala soċjetà, irridu nħaddnu lil dawn in-nies vulnerabbli daqslikieku kienu tal-familja. Fil-messaġġ tiegħu il-Professur Azzopardi stqarr li din il-persuna ħarġet minn Monte Carmeli, mingħajr ma kien fl-aħjar interess tagħha li tagħmel hekk.

Andrew Azzopardi, tenna li dan hu sintomu ċar ta’ sistema li ma taħdimx kif suppost.

“Qed nitkellmu fuq persuna li bħalissa spiċċat tissielet għall-ħajja tagħha. Mhux qed nirreferi biss għall-fatt li persuna kienet teħtieġ kura psikjatrika ħarġet mill-binja. Il-problema hija ħafna iktar profonda minn hekk”, sostna Azzopardi fuq il-midja soċjali.

Hu stqarr li personalment jemmen li l-maġġoranza tal-istaff jagħmlu ħilithom kollha biex jagħtu servizz f’kundizzjonijiet diffiċli; iżda fil-verità huma s-sistemi li qed jonqsu. Anzi, hu stess wissa li l-probabbiltà hi li “it-tort jispiċċa fuq dawk li qed jippruvaw iħaddmu s-servizz f’din is-sistema falluta.”

Kien hawn li Andrew Azzopardi appella lil min hu responsabbli sabiex jaġixxi u jindirizza din is-sitwazzoni f’Monte Carmeli b’urġenza kbira.