Sport

Thomas Partey b’ħames akkużi ta’ stupru

L-eks plejer tal-futbol ta’ Arsenal, Thomas Partey, ingħata l-libertà proviżorja kundizzjonali wara li ġie akkużat b’ħames akkużi ta’ stupru u akkuża waħda ta’ aggressjoni sesswali.

Il-plejer tal-Ghana ta’ 32 sena tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster flimkien mal-avukat tiegħu Jenny Wiltshire, akkużat b’ħames akkużi ta’ stupru kontra żewġ nisa, u akkuża ta’ aggressjoni sesswali kontra t-tielet mara.

Fis-seduta fil-Qorti deher kemm ikkonferma ismu u li fehem il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu huma li ma jistax jikkuntattja lil xi waħda mit-tliet nisa u jrid jinnotifika lill-Pulizija dwar kull bidla fl-indirizz jew ivvjaġġar.

L-akkużi jsegwu investigazzjoni li bdiet fi Frar 2022 wara li l-Pulizija rċeviet għall-ewwel darba rapport ta’ stupru.

L- allegati reati seħħew bejn l-2021 u l-2022 meta kien qed jilgħab ma’ Arsenal.

Huwa ġie akkużat erbat ijiem wara li telaq minn ma’ Arsenal meta l-kuntratt tiegħu skada f’Ġunju. Is-seduta tiegħu li jmiss hija fl-Old Bailey fit-2 ta’ Settembru.

Huwa rrappurtat li l-plejer qed jipprepara biex jingħaqad mat-tim Spanjol Villarreal b’kuntratt ta’ sena, bil-possibbiltà ta’ estensjoni oħra ta’ 12-il xahar.