L-ewwel bank mill-Unjoni Ewropea xeħet l-interess tiegħu fit-tellieqa għall-akkwist tal-bank HSBC.
Dan il-bank iġib l-isem Attica Bank, li huwa bank Grieg.
Din is-sottomissjoni tidher li hi favorita aktar mit-tnejn preċedenti.
Minn naħa tal-HSBC, jidher li il-probabbilità li dan il-bank Grieg jaffaċċja xi ostakli huma ftit. Dan għaliex indirettament diġà għandu f’idejh in-negozju ta’ bank globali fil-Greċja.
Fis-sajf tal-2023, l-HSBC kien telaq mill-Greċja u daħal floku l-bank Grieg, Pancreta – li sena wara ngħaqad mal-bank Attica.
Din is-sħubija bejn il-banek tagħmel il-bank Attica l-ħames l-akbar bank fil-Greċja.
Kien lura fl-1924 meta twaqqaf dan il-bank f’Ateni li mbagħad ġie mniżżel fil-Borża, fl-1964.
Jekk l-offerta tal-bank Attica għall-HSBC Malta tirnexxi, din tkun l-ewwel operazzjoni tal-bank barra mill-Greċja. Din tkun ukoll l-ewwel darba li l-bank ikun sorveljat direttament mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Jidher ukoll li Attica Bank għandu biżżejjed fondi sabiex jasal għal ftehim, hekk kif ħabbar pjanijiet għal żieda fil-kapital ta’ €735 miljun.
Qabel Attica… l-interess fl-HSBC Malta kien muri wkoll mill-Bank of Georgia, u anke mill-Ardshinbank tal-Armenja.
//= $special ?>