Internazzjonali

Donald Trump: Għexieren ta’ pajjiżi jibdew iħossu l-impatt tat-tariffi l-ġodda

It-tariffi ġodda imposti mill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, daħlu fis-seħħ għal aktar minn 90 pajjiż madwar id-dinja….Sitwazzjoni li kapaċi taqleb ta’ taħt fuq is-sistema ekonomika fuq livell internazzjonali fost it-theżżiż inevitabbli għas-swieq tad-dinja.

Trump, min-naħa tiegħu, qed jidher sodisfatt ħafna bl-iżviluppi – fil-fatt, sekondi qabel skada d-deadline għall-pajjiżi biex jinnegozjaw ftehim kummerċjali mal-Istati Uniti, il-President Amerikan bagħat messaġġ fuq Truth Social biex jiftaħar dwar il-fatt li pajjiżu qed idaħħal il-biljuni tad-dollari b’riżultat tat-taxxi fuq l-importazzjoni lejn l-Istati Uniti.

Donald Trump qed juża l-politika tat-tariffi biex jinkoraġġixxi ‘ir-ritorn’ tax-xogħol u l-industriji tal-manifattura lejn l-Istati Uniti.

Dan meta hu anki qed jhedded biex iżid it-tariffi għall-importazzjoni mill-Indja għal 50 fil-mija  dment li l-pajjiż ikompli jixtri ż-żejt mingħand ir-Russja.

Hi anki sinifikanti t-theddida ta’ Trump li jimponi tariffa ta’ 100 fil-100 għall-computer chips immanifatturati barra l-Istati Uniti – u bl-iskop li jżid il-pressjoni fuq il-kumpanniji tal-informatika biex jinvestu aktar f’pajjiżu.

Il-politika kummerċjali ta’ Trump, fil-parti kbira, qed taħseb biex tibdel bil-kbir is-sistema tal-kummerċ għall-pajjiżi tad-dinja  — u meta l-Mexxej Amerikan jinsab konvint li din is-sistema internazzjonali hi maħsubha biex tiżvantaġġja lill-Istati Uniti.

Dan meta Trump hu wkoll konvint li l-Istati Uniti, tul is-snin, batiet minn żbilanċ notevoli bejn il-prodotti li timporta u l-prodotti li tesporta lejn il-pajjiżi l-oħra.

Il-politika tat-tariffi ta’ Trump hi intiża biex timponi taxxa sostanzjali għall-prodotti li l-importaturi Amerikani jixtru mingħand il-pajjiżi l-oħra. Dawn l-importaturi, imbagħad, jistgħu jgħaddu l-ispejjeż żejda ( jew parti minnhom) lill-konsumatur.

Filwaqt li ma naqsux l-akkużi li l-President Trump ħoloq kaos fl-ekonomija globali, is-swieq, għalissa, qegħdin jidhru stabbli – anki jekk kollox jista’ jinbidel matul il-jiem li ġejjin.

Ir-rata medja tat-tariffi tal-Istati Uniti hi l-ogħla għal kważi seklu, permezz tat-taxxi mirati għas-settur industrijali u li qed jaffettwaw l-aktar prodotti bħall-azzar u l-vetturi.

Intant, it-tariffi li daħlu fis-seħħ illum kienu tħabbru għall-ewwel darba f’April…Ħafna minn dawn it-tariffi, aktar tard, kienu friżati fost it-turbulenza qalb is-swieq u biex il-pajjiżi tad-dinja jkollhom żmien biżżejjed biex jikkonkludi l-fethim kummerċjali ġodda mal-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, l-Istati Uniti – taħt il-gwida ta’ Trump — introduċiet u aġġustat sensiela ta’ rati għall-pajjiżi differenti, bil-President, imbagħad, jiffissa s-7 ta’ Awwissu bħala d-deadline finali għat-tariffi.