F’Lulju, kienu 1,035,341 passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bit-titjiriet minn u lejn Malta matul ix-xahar li għadda żdiedu b’5.3% fuq l-2024, biex laħqu total ta’ 6,375.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta issa konness ma’ 109 destinazzjonijiet, hekk kif kompla jirreġistra tkabbir fin-network tar-rotot fl-2025. Riċentament żdiedu ħames linji tal-ajru ġodda, inkluż LOT Polish, Qatar Airways u SAS Scandinavian Airlines, bdew joperaw titjiriet minn u lejn Malta minn Ġunju ‘l hawn.
Bħala strateġija għal Turiżmu matul is-sena kollha, l-prijorità baqgħet it-tisħiħ tal-konnettività matul is-sena kollha. Il-kollaborazzjoni kontinwa tal-kumpanija ma’ msieħba ewlenin fit-turiżmu kienet strumentali biex dan iseħħ. Xhieda ta’ dan l-impenn kienu r-riżultati miksuba fix-xhur tax-xitwa (Jannar, Frar u Marzu), hekk kif it-traffiku tal-passiġġieri f’dawn ix-xhur ammonta għal 39.5% mill-4,541,113 moviment tal-passiġġieri li l-ajruport irreġistra fl-ewwel sitt xhur tas-sena.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar ukoll li dawk il-passiġġieri li se jivjaġġaw mill-Ajruport ta’ Malta issa se jkunu jistgħu jġorru fil-hand luggage kontenituri tal-likwidi li jesgħu sa 2 litri, kif ukoll tagħmir elettroniku, mingħajr il-bżonn li dawn jinħarġu mill-bagalja waqt il-proċess tas-sigurtà.
Dan l-iżvilupp seta’ jseħħ wara li l-Kummissjoni Ewropea awtorizzat mill-ġdid l-użu sħiħ tal-EDS C3 Security Scanners. Minħabba l-fatt li r-restrizzjoni fuq kontenituri ta’ likwidi li jesgħu 100ml ma ġietx rivokata b’mod uniformi fl-ajruporti Ewropej, il-passiġġieri huma mitluba jikkonsultaw ir-regoli tas-sigurtà tal-ajruport li minnu jkunu se jirritornaw Malta.
//= $special ?>