Futbol Sport

Henry Bonello u Rafael Compri se jitressqu quddiem il-bord tad-dixxiplina ta’ Ħamrun Spartans

Ħamrun Spartans ħabbru li se jkunu qed iressqu tnejn mill-plejers tagħhom quddiem il-bord tad-dixxiplina tal-klabb, wara incident li seħħ bejn żewġ plejers tal-istess tim, fit-tmiem tal-logħba kontra Maccabbi Tel Aviv ta’ Iżrael.

Il-plejers ta’ Ħamrun Spartans involuti f’dan l-inċident kienu l-gowlkiper internazzjonali Malti Henry Bonello u l-winger difensiv Brażiljan Rafael Compri.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kap Eżekuttiv ta’ Ħamrun Spartans, Marcel Bonnici, il-klabb faħħar il-prestazzjoni mill-aqwa li t-tim Malti ta fl-ewwel leg mit-tielet rawnd tal-UEFA Ewropa League. Iċ-champions Maltin tilfu 2-1 iżda faċilment setgħu rebħu din il-logħba għal mod organizzat li lagħbu tul id-90 minuta. Madankollu wara li kienu Ħamrun Spartans li marru fil-vantaġġ l-ewwel b’gowl minn penalty fis-70 minuta, skorjat mill-Franċiz, N’Dri Philippe Koffi, l-avversarji tal-Maltin, skorjaw darbtejn.

Il-gowl tad-draw wasal 11-il minuta mit-tmiem tal-logħba b’konkluzzjoni taż-żagħżugħ Roy Revivo. Sitt minuti fuq id-90 minuta, Elad Madmon skorja l-gowl tar-rebħa. Fid-darbtejn, il-gowls ta’ Maccabbi Tel Aviv waslu minn nuqqas ta’ attenzjoni tad-difiża, li sfortunatament ħassru t-tajjeb kollu li sar mit-tim kontra avversarji bil-wisaq aktar b’saħħithom.

It-telfa ta’ 2-1, speċjalment it-tieni gowl tal-avversarji nissel frustrazzjoni kbira fost il-partitarji Ħamruniżi, anke għaliex ikun ġust li wieħed jgħid li ċ-champions Maltin ma kienx jimmerithom li jitilfu fil-ġurnata għal dak li rrnexxilhom jagħmlu tul il-logħba kollha.

L-istqarrija ta’ Ħamrun Spartans żiedet tgħid li “sfortunatament din il-prestazzzjoni tajba kienet imtappna minn incident li seħħ fit-tmiem tal-logħba bejn il-captain tagħna, Henry Bonello, u Rafael Compri. Bħala klabb, nikkundannaw kategorikament dan it-tip ta’ aġir. Dak li ġara ma jirriflettix il-valuri tagħna, l-istandards li nħaddnu, il-livell li qed nimmiraw li nilħqu u d-dehra li nippromwovu pubblikament.”

L-istqarrija miktuba minn Bonnici tkompli tgħid li “sabiex nindirizzaw din il-materja bis-serjeta, ħadna d-deċiżjoni li nlaqqgħu l-Board li jieħu ħsieb il-Governanza u l-Etika fi ħdan il-klabb tagħna, b’seħħ immedjat.”

Bonicci wiegħed li se jkunu qed “jittieħdu passi dixxiplinarji u korrettivi biex nassiguraw l-kontabbiltá u nsostnu l-integrità tal-klabb tagħna.”

Net News hu infurmat li mas-suffara finali, fis-saħna tal-mument, u hekk kif Ħamrun Spartans kienu għadhom kemm sofrew il-gowl tat-telfa fl-aħħar ħinijiet tal-logħba, il-gowlkiper Bonello deher irrabjat għall-iżball li wettaq il-kollega tiegħu, Compri. Dan kien l-iżball li wassal għat-tieni gowl ta’ Maccabbi Tel Aviv. Kien f’dan il-mument li quddiem għajnejn kulħadd ta’ dawk preżenti f’Tony Bezzina Stadium u anke waqt ix-xandira diretta fuq it-televiżjoni, Bonello u Compri dehru jargumentaw.

Sorsi li tkellmu magħna qalu li wara li għadda ftit tal-ħin, is-sitwazzjoni bejn it-tnejn ikkalmat u l-argument kien sforz il-frustrazzjoni u d-diżappunt li Ħamrun Spartans tilfu l-partita wara d-90 minuta, minn azzjoni fejn l-iżball seta’ faċilment ġie evitat b’aktar attenzjoni.

Hu mifhum li dan il-board intern ta’ Ħamrun Spartans se jkun qed jiltaqa’ u jieħu deċiżjoni dwar x’passi dixxiplinarji se jkun qed jieħu fil-konfront taż-żewġ plejers, jekk se jittieħdu, fis-sigħat li ġejjin.