“M’hemmx dubju li ma naqbilx mal-kompożizzjoni tiegħu – il-Grupp Parlamentari kellu jkun aktar involut”
Id-Deputat Edward Zammit Lewis ħareġ fuq il-midja soċjali jattakka l-kompożizzjoni tal-‘Working Group’ li waqqaf il-Prim Ministru Robert Abela sabiex tul dan ix xahar ikun jista’ jikkonsulta lill-pubbliku wara li skont Joseph Muscat wettaq “froġa medjatika” fl-emendi tal-Ippjanar…mingħajr effettivament ma kkonsulta lil ħadd.
Il-Working Group, li se jkun immexxi mill-Kurunell Mark Mallia, se jkun magħmul ukoll mid-Deputat Prim Ministru Ian Borg (li nstab mill-Qorti li għamel pool illegali f’daru); mill-Ministri Owen Bonnici, Clint Camilleri, Miriam Dalli u Jonathan Attard flimkien ukoll mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana u mis-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Johann Buttigieg se jkun l-osservatur tal-grupp, u Jessica Dalli ntgħażlet bħala s-segretarju tal-kumitat.
Iżda għal Edward Zammit Lewis dan mhux aċċettabbli, ċioè li hu ma ntgħażilx li jagħmel parti minn dan il-grupp.
B’mod ċar u tond qal li “m’hemmx dubbju li ma naqbilx mal-komposizzjoni tiegħu.” Filwaqt li insista jgħid li “min kellu l-karattru politiku li jitkellem u min jidħol fil-kwistjoni f’reqqa u dettal u jieħu interess dejjem għall-ġid komuni, tħalla barra.”
Stqarrija li prontament ikkumentat fuqha d-Deputat Laburista Katya De Giovanni li spjegat li hija ħasra li mara waħda hemm, ċioè l-Ministru Miriam Dalli, u insistiet li għanda fiduċja kbira”f’xi membri” – botta li wieħed jifhem li m’għandhiex fiduċja f’kulħadd f’dan l-imsemmi working group – bil-qasma fi ħdan il-Grupp Parlamentari Laburista hija waħda quddiem għajnejn kulħadd.
De Giovanni kompliet tisħaq li tħoss li l-Grupp Parlamentari ġenerali “kellu jkun aktar involut.”
Dan filwaqt li fl-istess statement tad-Deputat Laburista kien hemm min qal li l-ewwel ħadu sentejn biex joħorġu b’dak li qal l-eks Prim Ministru Muscat stess..”bi froġa” u issa jridu jikkonsultaw f’4 ġimgħat ta’ vaganzi.
Intant l-Avukat Anna Mallia qablet ma’ Edward Zammit Lewis u insistiet li min qiegħed jagħti l-pariri lil Robert Abela ma jħobbx lill-Partit Laburista.
Dan filwaqt li l-Avukat Claire Bonello insistiet li il-komposizzjoni ta’ dan il-Grupp ta’ Ħidma mhux ta’ serħan il-moħħ hekk kif min ikun qed jipparteċipa fih għandu jkollu esperjenza pruvata u mhux “li kien il-perċimes ta’ ħafna liġijiet li kkawżaw aktar konfużjoni.
//= $special ?>