Lokali Qorti

Il‑Maġistrat Nadine Sant Lia tirrekuża ruħha fil‑kumpilazzjoni dwar il-qtil doppju fil‑Baħrija

Il-Maġistrat Nadine Sant Lia iddeċidiet li tirrekuża ruħha milli tmexxi l‑każ kriminali relatat ma’ qtil doppju li seħħ fil‑Baħrija nhar it‑Tlieta 29 ta’ Lulju 2025. Din id-deċiżjoni ttieħdet fuq bażi ta’ “konflitt ta’ interess”, hekk kif l‑Avukat Franco Debono, membru tadd-difiża fl-istess każ, huwa wkoll avukat personali tal‑Maġistrat.

Issa għandha terġa’ ssir polza bħal f’kull każ ta’ kumpilazzjoni biex jintgħażel Maġistrat ieħor biex jibda jisma’ l-provi dwar il-każ. L‑Avukat Debono huwa parti mid-difiża għall-imputat Carmelo Ciantar, li l-Ħamis l-aħħar ta’ Lulju tressaq il-Qorti akkużat b’omiċidju volontarju ta’ żewġt irġiel.

Bħala miżura ta’ trasparenza u bżonn ta’ ġustizzja veru, il-Maġistrat Nadine Sant Lia ħadet l-inizjattiva li tirrekuża ruħha milli tibda tisma’ l-kumpilazzjoni, sabiex tevita kull dubju dwar l-imparzjalità tal-proċess.

Meta tressaq il-Qori Ciantar wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh, fosthom ta’ omiċidju volontarju u li kien fil-pusses ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja. Ciantar, li għandu 72 sena u huwa minn Ħaż-Żebbuġ, qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Dennis Mifsud ta’ 51 sena mis-Siġġiewi u Toni Agius ta’ 57 sena mir-Rabat.

Wieħed mill-vittmi hu t-tifel tas-sieħba tal-allegat aggressur, filwaqt li l-ieħor hu r-raġel tat-tifla tas-sieħba ta’ Ciantar. Meta tressaq, l-Ispettur tal-Pulizija Kurt Colombo Zahra spjega li wieħed mill-vittmi nstab f’vann b’tir f’rasu, filwaqt li t-tieni vittma kien f’vettura oħra b’għadd ta’ tiri minn nofs ġismu sa għonqu.

Kelb ta’ wieħed mill-vittmi ma telaqx minn ħdejn sidu bla ħajja, bil-Pulizija kellhom jsejħu għall-għajnuna biex jikkotrollaw lill-kelb hekk kif ma ħallihomx jersqu lejn sidu. Fil-post insabu bosta dokumenti personali ta’ Ciantar imqattgħin.

Mal-wasla tal-Pulizija kien hemm diġa’ qraba tal-vittmi fil-post. It-tifla ta’ Anthony Agius, wieħed mill-vittmi, qalet li kienet irċiviet telefonata mingħand Ciantar li qallha li kien qatel lil missierha.

Wara l-qtil, il-Pulizija provaw jagħmlu kuntatt ma’ Ciantar, fejn dan meta qabadhom qalilhom li l-ħabs mhux sejjer u li se jsibuh mejjet. Huwa qallhom li kien jinsab Birżebbuġa iżda eventwalment instab f’ristorant tal-ikel f’kumpless ewlieni ta’ stabbilimenti fil-Mosta. Fil-vettura, li nstabet fil-parkeġġ tal-istess kumpless fil-Mosta, kien hemm shotgun bi tliet skrataċċ.

Il-prosekuzzjoni talbet għall-protezzjoni tal-qraba tal-vittmi, bil-Qorti tilqa’ din it-talba. L-akkużat ma talabx għall-ħelsien mill-arrest, bl-avukat tiegħu titlob li jinżamm f’Monte Carmeli minħabba biża’ li jweġġa’ lilu nnifsu. Ciantar qal ripetutament li jippreferi joqtol lilu nnifsu milli jaffaċja l-proċeduri tal-Qorti. L-avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Francesca Zarb qed jidhru għal Ciantar.