Il-Filippina Mayumi Patacsil kienet ikkundannata għomorha l-ħabs, wara li tlett ijiem ilu nstabet ħatja – fil-ġuri – li qatlet lis-sieħeb tagħha Marcellino Saraza; delitt li seħħ fl-2021.
Il-Filippin kien inqatel b’daqqa ta’ sikkina f’sidru u oħra f’għonqu f’appartament fil-Mellieħa, fejn kienet tgħix il-koppja.
Qabel ingħatat is-sentenza f’Awla 22, saru s-sottomissjonijiet mill-avukati difensuri u l-prosekuturi.
L-avukat difensur qal li kien hemm xi rapporti difettużi dwar kif seħħew il-proċeduri, fosthom dwar kif kienet ttrattata l-bagalja ….u kaġun ta’ dan m’għandiex tbati l-akkużata. Kien hemm ukoll l-aspett dwar kif il-mobile phones tagħha ma nfetħux. Qal li dawn huma nuqqasijiet li l-qorti għandha tagħti kashom.
Il-prosekuturi qalu li l-mara ma kinitx emnuta, partikolarment dwar kif l-attakk li sar mill-akkużata possibilment seta’ seħħ b’reazzjoni għal stupru.
Qalu li hi pruvat titfa’ reati daqstant koroh fuq il-vittma ….u l-Qorti trid tibgħat messaġġ li dawn ir-reati m’humiex aċċettati fis-soċjeta – la jekk isiru fuq mara u lanqas jekk isiru fuq raġel.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li bis-sentenza ta’ għomor il-ħabs, il-Qorti qed tibgħat messaġġ li l-vjolenza domestika, fi kwalunkwe kuntest u fi kwalunkwe għamla, m’hijiex aċċettabbli.
//= $special ?>