Knisja Lokali

Il-Knisja f’Malta tqassam madwar €1.2m għal gruppi vulnerabbli

Madwar €1.2 miljun tqassmu mill-Arċidjoċesi ta’ Malta fost gruppi vulnerabbli matul is-sena li għaddiet minkejja li rreġistrat żbilanċ ta’ €787,000.

Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, qal: “Hemm diversi inizjattivi għaddejjin bil-għan li jkomplu jsostnu l-missjoni tal-Knisja — b’enfasi partikolari fuq l-għajnuna lill-familji u individwi fil-bżonn — inkluż ħidma ma’ tfal u adolexxenti, ma’ nisa li għaddew minn vjolenza domestika u forom oħra ta’ abbuż, mal-migranti, u ma’ dawk li qed ifittxu rijabilitazzjoni minn abbuż ta’ sustanzi u
vizzji oħra.”

“Matul l-aħħar snin, l-Arċisqof Charles Scicluna, f’isem il-Knisja, irregala żewġproprjetajiet kbar — l-Istitut Cini f’Santa Venera u Dar Sawra fir-Rabat — lil Hospice Malta u l-Malta Trust Foundation, żewġ għotjiet sinifikanti lis-soċjetà Maltija. Fl-istess waqt, l-Arċidjoċesi nediet ukoll il-proġett Duwa, li joffri servizz ta’ psikoterapija lil individwi u familji li għaddejjin minn diffikulatjiet, trawmi jew esperjenzi ibsin oħra.

Għadd ta’ ftehimiet ta’ sħubija soċjali bejn il-Knisja u l-Gvern (public social partnerships) ġew ukoll imġedda ma’ Caritas, u ma’ Fondazzjoni Sebħ — b’din tal-aħħar tipprovdi ambjent sigur u ta’ kura għal tfal li ġejjin minn ambjenti familjari diffiċli. Fl-2024, l-edukaturi fl-Iskejjel tal-Knisja bdew jibbenefikaw minn pakketti ta’ remunerazzjoni ogħla, iffinanzjati mill-Gvern, grazzi għal ftehim kollettiv ġdid.

Pace Ross qal, li filwaqt li l-Arċidjoċesi ta’ Malta rreġistrat dħul ogħla ta’ €3.8 miljun minħabba żieda fil-ġbir, donazzjonijiet, sponsors u wirt — kif ukoll żieda ta’ 27% u 47% fin-numru ta’ viżitaturi li żaru l-Mużew tal-Katidral tal-Imdina u l-Bażilika tal-Mosta — kellha wkoll żieda ta’ €5.5 miljun fl-infiq.

L-ispiża tal-pagi mħallsa mill-Arċidjoċesi fl-2024, li tinkludi madwar 120 entità u timpjega 1,398 impjegat, ammontat għal 64% tat-total tal-infiq, filwaqt li t-taxxa mħallsa mill-Knisja għall-istess sena laħqet it-€3.1 miljun.

“L-inflazzjoni kompliet tonqos fl-2024, u dan wassal għal sensiela ta’ tnaqqis fir-rati tal-imgħax mill-Federal Reserve u l-Bank Ċentrali Ewropew. Madankollu, l-Arċidjoċesi xorta waħda rreġistrat dħul fuq l-investiment ta’ 6.06%. Dan minkejja li d-dividend mogħti mill-APS Bank kien ftit inqas meta mqabbel mal-2023. Aħna ottimisti li qegħdin fit-triq it-tajba sabiex intejbu l-qagħda u s-sostenibbiltà finanzjarja tad-djoċesi, wara daqqiet li sofrejna b’riżultat al-pandemija u l-kunflitti madwar id-dinja fl-ewwel snin ta’
dan id-deċennju,” qal Pace Ross.

Matul l-2024, minħabba nuqqas ta’ vokazzjonijiet, kemm l-amministrazzjoni tal-Parroċċa tal-Balluta, li kienet immexxija mill-Ordni Karmelitan, kif ukoll Apap Institute f’Santa Venera li ma baqax iservi bħala dar għall-anzjani wara li s-Sorijiet Dumnikani ħassew li ma jistgħux ikomplu jmexxuha aktar, għaddew f’idejn
l-Arċidjoċesi.

Sadanittant, il-Fondazzjoni għall-Istudji Teoloġiċi rċeviet sussidju ta’ €155,000 mill-Kurja tal-Arċisqof sabiex tgħin lil saċerdoti u individwi jkomplu l-istudji tagħhom fit-teoloġija kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna