“Ippjanar sensibbli u responsabbli – aħna fl-opinjoni tagħna dawn l-aħjar emendi għas-serħan il-moħħ taċ-ċittadin, u nemmnu li huma tajbin.”
Sostnew dan il-Ministru Clint Camilleri, l-id il-leminija ta’ Robert Abela f’Kastilja Mark Mallia u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg b’rabta mal-emendi fl-Ippjanar li bosta esperti u akkademiċi huma totalment kontrihom.
Waqt briefing lill-ġurnalisti fil-Parlament, il-Gvern beża’ mill-fotografi u l-cameras. U ddeċieda li jindirizzaw lill-media wara erba’ ħitan fil-magħluq – biex jitkellem dwar l-aħħar aġġornamenti b’rabta mal-Abbozzi 143 u 144 li bihom Robert Abela u sħabu jridu jemendaw il-liġi tal-ippjanar.
Il-Gvern laqqa’ lill-ġurnalisti bil-bibien magħluqa biex jgħid li mill-Ħamis 7 ta’ Awwissu se titnieda konsultazzjoni pubblika li għandha miftuħa sas-7 ta’ Settembru, fejn matul dan il-perjodu il-Gvern issa jrid jikkonsulta. Madanakollu d-domanda kienet waħda: ma min ikkonsulta l-Gvern qabel ma’ ħarbex l-emendi proposti? – bir-risposta tkun li kkonsultaw ma’ kulħadd imma mhux b’mod uffiċjali.
Liema stqarrija tikkuntrasta bil-kbir mal-fatt li kienu diversi l-esperti, akkademiċi u għaqdiet li ħarġu kontra l-pjan ta’ Robert Abela – fosthom il-Kamra tal-Avukati, il-Kamra tal-Periti, l-Għaqda Pulse, il-Moviment Graffitti u l-Partit Nazzjonalista – bil-lista tibqa’ sejra.
S’intendi wieħed jasal għal konklużjoni awtomatika illi li kieku verament ikkonsultaw qabel; kollox jindika li ma kienux jinġabru nies jipprotestaw quddiem il-Parlament kontra dak li jrid Robert Abela. Madanakollu, minkejja dan, il-Ministru Clint Camilleri qed jibqa’ jgħid li hu, u sħabu, jemmnu li dawn l-emendi huma tajbin.
U għalhekk, bħalissa deċiżi li l-emendi jibqgħu kif inhuma ladarba jaħsbu li huma tajbin, madanakollu lesti jisimgħu u jemendaw fejn hemm bżonn – għalkemm mhux lesti jirtiraw l-emendi.
Intant, apparti dawn l-emendi, qed tiġi proposta legal notice fejn proprjetajiet illegali mibnija sal-2016 u li huma mibnija f’zoni ta’ żvilupp jistgħu japplikaw biex jiġu regolati jekk iħallsu multa; dawk li kienu mibnija sal-1994 fl-ODZ jistgħu jagħmlu dan ukoll, filwaqt li dawk li nbnew fl-ODZ u f’zoni tal-Iżvilupp sal-2024 jistgħu japplikaw għal konċessjoni….dejjem b’multa.
Jista’ japplika kulħadd – u hemm perjodu ta’ 4 snin. L-ironija hija li lura fl-2016 saret kienet xi ħaġa simili….u ngħata perjodu ta’ sentejn, biex fl-2023 ….il-legal notice 285 ġiet estiża b’mod indefinit.
Johann Buttigieg saħaq li l-assessjar fuq binjiet illegali jridu jkunu jissodisfaw kriterji spazjali, arkitettoniċi u kuntestwali… li fost l-oħrajn ikunu jirriflettu l-karattru tal-post.
Tajjeb wieħed ifakkar li Buttigieg reġa’ spiċċa fit-tmun tal-Awtorità tal-Ippjanar wara li snin qabel kellu jitlaq b’rabta ma’ aġir suspettuż u chats żvelati man-negozjant Yorgen Fenech.
//= $special ?>