Lokali Parlament

It-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur ta €500 f’danni morali meta t-talba kienet għal €5,000

Kien hemm ħdax-il talba għal danni morali skont il-liġi dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur mill-bidu tat-2024 sas-6 ta’ Ġunju 2025 . Minn dawn il-ħdax, ħamsa kienu milqugħa, wieħed ma ġiex milqugħ, filwaqt li l-ħames każijiet l-oħra għadhom pendenti.

Jirriżula li f’każ minnhom id-danni morali li ta t-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur kien ta’ €500 meta t-talba kienet għal €5,000. F’każ ieħor ingħataw danni morali ta’€200 meta t-talba kienet ta’ €368. Każ ieħor irrigwarda talba bejn €150 u €300, u ngħata ammont f’danni morali ta’ €100. Għad hemm żewġ każijiet oħra pendenti li f’wieħed minnhom għandu talba f’danni morali ta’ €500.

Din l-informazzjoni kienet ikkofermata fil-Parlament mill-Prim Ministru għal mistoqija tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said.

L-arbitri li jippresjedu t-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur huma sitta. Dawn huma l-avukati Richard Sladden, Martha Mifsud, Michela Spiteri, Mattia Felice, Charmaine Cherret u Deborah Schembri

In-numru ta’ kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur f’Għawdex jammonta għal 27 każ.